Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, kien hemm żieda kemm fil-wasliet tat-turisti kif ukoll fin-nefqa tagħhom f’pajjiżna, meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn stħarriġ, li wettqet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, permezz tal-kumpanija Deloitte u l-BOV u li ġie ppubblikat il-Ġimgħa filgħodu fil-preżenza ta’ numru ta’ lukandieri u rappreżentanti tas-settur.
Meta wieħed iħares lejn il-wasliet tat-turisti fl-istess xhur imsemmija, il-livelli jilħqu kważi miljun viżitatur, li jfisser ukoll żieda ta’ 152,000 fuq l-istess xhur tas-sena l-oħra.
L-infieq ta’ dawn it-turisti ammonta għal 850 miljun ewro, ċifra li hi 17% aktar minn dik ta’ April, Mejju u Ġunju tas-sena l-oħra, li kienet l-aħħar waħda rekord nazzjonali.
L-istħarriġ jixhed turiżmu b’saħħtu u sostenibbli għat-tieni kwart ta’ din is-sena.
L-istess stħarriġ juri kif kien hemm ukoll żieda kbira fin-numru ta’ ljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna, fejn f’temp ta’ sena, dawn it-tliet xhur raw żieda ta’ erba’ mija u tlieta u tmenin elf lejl.
Meta wieħed iħares lejn l-okkupanza fil-lukandi ta’ 4 u 5 stilel, ġie nnotat li dawn għollew ir-rati tagħhom għal kull kamra, fattur li kkontribwixxa biex dawn jesperjenzaw tnaqqis fis-settur f’dan il-kwart tas-sena.
B’rabta mar-riżultati li joħorġu mill-istħarriġ, ONE News tkellem mal-President tal-MHRA, Tony Zahra, li, filwaqt li nnota fatturi differenti dwar il-wasliet tat-turisti f’pajjiżna, saħaq kif kollox qed jindika li din is-sena se tkun waħda ferm pożittiva għas-settur.
“Meta nħarsu lura għandna kuraġġ li din is-sena se tkun aħjar mis-sena l-oħra. Il-bookings għall-kwart li ġej, jidher li l-lukandi tal-4 stilel qegħdin tajjeb bħalma kienu s-sena l-oħra, filwaqt li dawk tal-5 stilel, qegħdin lura. Jidher li n-numru ta’ nies li ġejjin Malta qiegħed hemm, però l-profil qed jinbidel u jidher li hawn ħafna aktar żgħażagħ milli nies li jmorru 5 stilel.”
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra