Bejjiegħ tal-ħaxix li ġie mhedded u attakkat fiżikament is-Sibt, tressaq il-Qorti akkużat li ffroda mal-ħamsa u għoxrin elf ewro mingħand mill-inqas ħames persuni, uħud anzjani.
Noel Bonello, ta’ tnejn u erbgħin sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużat bi frodi, miżapproprjazzjoni u li kien riċediv.
L-Avukati li qed jirrappreżentaw lill-akkużat, infurmaw lill-Qorti li kien lest jammetti għall-akkużi, sakemm l-istess Qorti tordna rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza.
Il-Maġistrat għamlitha ċara li kienet diġà tatu sentenza ta’ probation għal akkużi simili tliet snin ilu u ma kinitx interessata li tagħmel l-istess, tant li wissiet li l-Qorti tagħti ċans darba biss u l-akkużat kien qed jaffaċċja bejn sentejn u disa’ snin ħabs jekk iwieġeb ħati.
Bonello wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni li argumentat li jista’ jkun hemm intralċ tal-provi jew li l-akkużat jipprova jagħmel kuntatt mal-vittmi.
L-Avukat Difensur qal li l-imputat m’għandux għalfejn ikun ikkundannat għal xi ħaġa li diġà ġie kkastigat għaliha, u li kkoopera mal-Pulizija u diġà beda jħallas lura l-flus li ffroda. Qal li jekk jispiċċa l-ħabs ma jkunx jista’ jmur jaħdem u jħallas il-bqija tal-flus.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li rċeviet informazzjoni anonima li wasslithom biex jikkonfermaw li Bonello kien attakkat fiżikament is-Sibt b’rabta ma’ frodi passati u fil-fatt mar iħallas ħamest elef ewro minnhom l-għada.
Huwa mifhum li r-raġel irċieva wkoll theddid fuq ħajtu.
Il-Qorti ordnatlu joqgħod f’indirizz ieħor hekk kif is-sid tal-post fejn qed jgħix bħalissa huwa wieħed mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni.
Il-midja ma tħallietx tippubblika l-post fejn seħħ l-attakk is-Sibt biex tipproteġi lill-imputat. Bonello ġie ordnat jiffirma f’għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, ma joħroġx f’ċertu ħinijiet, u nħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef oħra.