Il-Malta Football Association flimkien mal-Fondazzjoni Richmond ikkolaboraw flimkien biex jagħtu bidu għal proġett bl-isem ta’ “Being There”.
Il-Fondazzjoni Richmond twettaq ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali. Dan il-proġett ta’ 12-il xahar huwa immirat biex jippromwovi l-inklużjoni, billi jinvolvi diversi tfal fil-logħba tal-futbol, iħeġġiġhom jiddevertu flimkien u jħarsu l-benesseri mentali tagħhom.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti enfasizza l-ħtieġa li jitrawwem għarfien fost il-ħbieb, ġenituri, u kowċis li jingħaqdu permezz tal-logħoba tal-futbol, liema logħoba tiġbor tfal b’kapaċitajiet differenti.
Stephania Dimech Sant, CEO ta’ Richmond Foundation spjegat li l-proġett se jolqot il-ħajja ta’ madwar 600 persuna.
“Anke jekk dan il-proġett itejjeb il-ħajja ta’ persuna waħda jew tnejn, ikun suċċess,” qalet Dimech. “Il-proġett se jara 150 kowċ, 200 ġenitur (10 sessjonijiet mal-ġenituri fin-nurseries) u 250 żagħżugħ (16-il sessjoni) imħarrġa. Se jinkludi wkoll sessjonijiet tal-futbol mat-tfal fil-kura residenzjali.”
Dan huwa t-tieni proġett ippreżentat mill-Malta FA li ntgħażel għall-appoġġ mill-Fondazzjoni UEFA għat-Tfal. Jikkumplimenta għadd ta’ inizjattivi oħra ta’ orjentazzjoni soċjali li ttieħdu ‘l quddiem mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol.
Il-proġett huwa wieħed mill-benefiċjarji tal-appoġġ mill-Fondazzjoni UEFA għat-Tfal.