Fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat il-proċess fl-istrateġija tat-tilqim kontra l-COVID-19.
Qalet li bħalissa f’Malta qed jingħataw it-tliet vaċċini approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, fosthom l-AstraZeneca li sa issa kienet qed tingħata lil dawk li għandhom sa 65 sena.
Il-Professur Gauci ħabbret li wara studji u riċerki, b’effett mil-lum se tibda tingħata lil persuni li għandhom inqas minn 70 sena.
Dan se jwassal biex fil-ġimgħat li ġejjin jibdew jitlaqqmu dawk kollha li għandhom sittin sena jew aktar, bil-Professur Gauci qalet li dan il-grupp huwa pjuttost kbir u l-persuni fih se jkunu qed jirċievu l-istediniet biex jitlaqqmu fiż-żmien li ġej.