It-Taliban iddikjaraw li n-nisa ma jistgħux imorru jitgħallmu jew jidħlu fl-Universitajiet fl-Afganistan.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni u qal li din qed issir b’effett immedjat. Huwa tenna li dan qed isir sakemm jiġi pprovdut ambjent iktar xieraq fejn in-nisa jistgħu jiħdu l-edukazzjoni tagħhom.
Dan kollu jkompli mar-regoli ġodda li diġa hemm fejn jidħlu n-nisa u l-edukazzjoni fosthom li l-bniet ġew esklużi mill-iskejjel sekondarji minn meta t-Taliban irritorna fl-Afganistan is-sena li għaddiet.
F’Kabul studenti fl-Universitajiet tkellmu b’dieqa ma’ diversi midja internazzjonali u qalu li din hija l-qerda tal-unika pont li kellhom li jgħaqqadhom mal-futur tagħhom.
In-Nazzjonijiet Uniti u diversi pajjiżi kkundnnaw dan l-għaġir.
Il-mexxej tat-Taliban u ċ-ċirku tiegħu ilhom ħafna kontra l-edukazzjoni moderna, speċifikament għall-bniet u n-nisa.
Din ir-ripressjoni hija mewġa ta’ restrizzjonijiet fejn fost oħrajn in-nisa ġew pprojbiti minn parks, gyms u diversi postijiet oħra f’Novembru li għadda.