Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield ikkundanna l-attakk li l-partit tal-Oppożizzjoni qed jagħmel fuq il-Prim Ministru Robert Abela talli esprima l-opinjoni tiegħu illi l-Qrati għandhom ikunu iktar iebsa f’ċerti sentenzi li jagħtu.
Meta tkellem fil-ħin tal-aġġornament tas-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija, Bedingfield tefa’ dawl fuq in-nuqqas ta’ konsistenza u fuq l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni.
Huwa qal li, filwaqt li għamlet dan l-attakk fuq il-Prim Ministru għax esprima l-opinjoni tiegħu, l-istess Oppożizzjoni trid li fil-Parlament jinħoloq Kumitat tal-Ġustizzja ppresedut minn Karol Aquilina biex jibgħat għall-membri tal-ġudikatura u jiskrutinja x-xogħol tal-imħallfin u l-maġistrati, b’indħil dirett fuq l-indipendenza tagħhom.
Qal ukoll illi, jekk Karol Aquilina jrid jimmudella l-kumitat tiegħu fuq il-kumitat tal-Ġustizzja tal-House of Commons tar-Renju Unit, ironikament waħda mill-funzjonijiet ta’ dak il-kumitat huwa proprju illi jagħti pariri fuq il-mod kif jingħataw is-sentenzi.
“Jiġifieri, dak illi l-Onorevoli Aquilina qed jgħid li l-Prim Ministru huwa perikoluż li għamel, għax tkellem pubblikament li jrid sentencing policy differenti – u qallu skandaluż u perikoluż – l-Onorevoli Aquilina jrid jagħmlu f’dan il-Parlament,” qal id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield
“Mela jekk tagħmlu n-naħa tal-Oppożizzjoni, jekk ikunu membri tal-Oppożizzjoni li jridu jgħidu lill-ġudikatura, u jagħtu l-advice tagħhom dwar is-sentencing policies, dak orrajt hemmhekk. Però, għax jitkellem il-Prim Ministru – naturalment, għax il-Prim Ministru mhux mill-kamp tal-Oppożizzjoni, mhux mill-establishment tal-Oppożizzjoni – ma jistax jitkellem.“
Meta tkellem dwar il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, id-deputat Glenn Bedingfield qal illi, fil-laqgħat, il-Kumitat qiegħed imur kontra l-ordnijiet permanenti tal-Kamra għax iċ-Chairman, li hu deputat tal-Oppożizzjoni, u l-Membri tal-Oppożizzjoni fil-kumitat qed jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom.