Glenn Bedingfield innota kif it-tweġibiet tal-Ispeaker dwar l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jikkonfermaw dak li qal dwar l-istess uffiċċju.
Dan wara li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-kamra l-ittra li l-Kummissarju George Hyzler kiteb lill-Ispeaker u li fiha rritalja għal dak li qal dwaru l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield f’aġġornament parlamentari t-Tnejn filgħaxija.
Fost l-oħrajn Hyzler qal li mhux minnu li x-xufier tiegħu għandu paga ta’ skala disgħa u jaqla’ elf ewro biss inqas minn din l-iskala.
Fil-Parlament Glenn Bedingfield tenna dak li qal it-Tnejn li għadda.
Hawnhekk għamel referenza għal tweġiba parlamentari stess li tikkonferma li x-xufier ta’ Hyzler huwa mħallas b’salarju ekwivalenti ta’ skala disgħa.
Fost l-oħrajn li mhux adegwat li Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jkun persuna, li fil-passat kien involut fil-politika u li llum għadu juri li qalbu għadha tħabbat għall-politika.
Fl-aġġornament li għamel għas-seduta tat-Tnejn Glenn Bedingfield fost l-oħrajn stqarr li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jimxix fuq l-istess standards li jippretendi mill-Gvern dwar reklamar u l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja.
Dan hekk kif qal kif reklami ta’ dan l-uffiċċju jsiru ma ġurnal wieħed li jintgħażel mill-uffiċċju u mhux mal-ġurnali kollha.
Qal ukoll kif minn sitt ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċju, ħamsa minnhom huma persuni ta’ fiduċja.