Il-mexxejja Ewropej kollha qed jifmhu li l-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea trid tinbidel kif qed jinbidlu ċ-ċirkustanzi fl-Istati Membri.
Id-diskussjoni ma kinitx waħda ewforika, sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat, f’ konferenza tal-aħbarijiet wara li ntemm il-Kunsill Ewropew, li saħansitra iddeskriva d-diskussjoni tal-bieraħ filgħaxija bħala waħda mill-iktar diskusjsonijiet Ewropej proattivi.
Stqarr li jinsab kuntent li kien hemm bidu ta’ perjodu ta’ riflessjoni dwar l-iżbalji li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea u t-triq ‘il quddiem, b’ mod speċjali fl-oqsma tal-ekonomija u l-immigrazzjoni. Sostna li l-mexxejja Ewropej aċċettaw il-fatt li iridu jkunu qrib iċ-ċittadin u jindirizzaw il-problemi li jħossu n-nies. Joseph Muscat tenna li hemm rieda ta’ koperazzjoni sinċiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. Madanakollu r-Renju Unit, la joħroġ mill-Unjoni, se jitqies bħala stat terz, iġifieri mhijiex se tinħoloq klassifikazzjoni ġdida ta’ sħubija.
Il-mexxejja Ewropej qablu li r-Renju Unit ma jistax jingħata aċċess sħiħ għas-suq komuni mingħajr ma jaċċettaw il-pilastru Ewropew tal-liberta’ fil-moviment ta’ persuni, mingħajr xkiel.
Il-Prim Ministru Malti qal li ħarġet qbil formali biex il-gvern il-ġdid tar-Renju Unit jieħu ftit żmien biex japplika għall-ħruġ formali, iżda dan ma jistax itawwal iżżejjed.
Mistoqsi jekk it-ton arroganti li ħadu l-istituzzjonijiet Ewropej mar-riżultat tar-Referendum inbidilx, Muscat ikkonferma li dik ir-reazzjoni kienet frott ix-xokk ta’ Brexit li ma kinitx mistennija- issa t-ton inbidel u l-Unjoni Ewropea qed turi iktar korrettezza. Madanakollu, il-fatt li l-Unjoni qed tifhem is-sitwazzjoni tal-gvern Ingliż preżenti m’għandux ikun abbużat mir-Renju Unit.
Kien hemm qbil fost is-27 pajjiż li ma jsiru l-ebda negozjati bilaterali mar-Renju Unit sa ma ssir in-notifika tal-ħruġ formali u anka wara li dan isir irid ikun skont il-linji gwida tan-negozjati bilaterali maqbula mill-Kunsill Ewropew.
Dan mhuwiex se jaffettwa ftehimiet bilaterali li pajjiżna diġa għandu mar-Renju Unit, bħall-ftehim fil-qasam tas-saħħa, anzi, il-Prim Ministru stqarr li l-Gvern se jaħdem biex isaħħahom u jġeddidhom.