Project Green naddfet xejn inqas minn 30 tunellata ta’ skart goff minn erba’ siti differenti li ġew identifikati u allokati mill-Gvern biex, flok jiġu żviluppati, jinbidlu f’aktar spazji miftuħa li jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd.
Il-postijiet, li jinsabu f’Ħal Lija, Ħal Luqa, Ta’ Giorni, f’San Ġiljan u Ħal Kirkop u li fuqhom setgħu jinbnew mill-inqas 30 blokka ta’ appartament, se jkunu qed jinbidlu fi spazji mituħa u ħodor għall-familji, bħala parti minn wegħda oħra mwettqa mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
B’hekk, fl-iqsar żmien possibbli, Project Green tellqet il-proċess fuq dawn l-erba’ spazji li se jtejbu l-ħajja ta’ madwar sebat elef familja, u bdiet bi preparazzjoni għat-trasformazzjoni ta’ dawn is-siti fi spazji pubbliċi.
L-iskart, li nġabar, ivarja minn skart ta’ kostruzzjoni għal plastik u biċċiet tal-għamara, fost l-oħrajn, li ntremew illegalment u li setgħu faċilment ittieħdu f’ċentri għall-iskart goff jew mormijin permezz tas-servizzi offruti mill-Kunsilli Lokali.
B’kollox, Project Green se tirriġenera 8,000 metru kwadru t’art f’żoni residenzjali li qabel kienu immarkati għall-iżvilupp.
Il-Perit Beverly Costa, li hi Chief Operations Officer ta’ Project Green, spjegat kif l-aġenzija qed taħdem fuq id-disinji tas-siti ħalli jiġu ppreżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar. Hawn, il-Perit Costa spjegat li d-disinji tas-siti wkoll se jiġu ppreżentati lill-kunsilli lokali rispettivi għal aktar konsultazzjoni.
Stqarret, “Iltqajna mas-sindki biex nifhmu l-bżonnijiet tal-komunità u s’issa naddafna dawn l-artijiet, ħadna s-surveys tagħhom u beda d-disinn. Dawn id-disinji issa se jiġu ppreżentati lill-komunità.”
Waqt li rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ Project Green, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, spjegat li hi qed rħares ’il quddiem biex ix-xogħol ikompli miexi kemm fuq dawn is-siti kif ukoll fuq l-ispazji l-oħrajn li din l-entità qed taħdem fuqhom.
Sostniet, “Xogħlijiet li hemm bżonn isiru biex dan il-ġnien minflok jinbeda jinfetaħ għall-pubbliku u naraw b’liema mod ikun għat-tgawdija tal-komunità kollha kemm hi.”