Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana ħabbret li beda x-xogħol fuq l-ewwelfażi tal-masterplan tal-Farm Sperimentali tax-Xewkija hekk kif imħabbar fl-aħħarbudget.
Il-Ministru għal Għawdex spjegat kif dan il-masterplan huwa maqsum f’diversi fażijiet u ingħata bidu proprju għal dik il-parti li minnha ser jibbenefika l-pubbliku b’mod ġenerali hekk kif hi l-viżjoni tal-Ministeru għal Għawdex li jingħataw lura spazji biex jitgawdew mill-familji.
Din il-fażi tal-proġett tinkludi fost l-oħrajn petting farm, dog park u butterfly enclosure. Dawn huma faċilitajiet li qed isiru għall-ewwel darba f’Għawdex. Dawn il-faċilitajiet huma attrazzjoni ġdida u innovattiva għall-familji f’Għawdex fejn it-tfal u l-familji jkunu jistgħu jiġu flimkien biex filwaqt li jgawdu minn ambjent mill-isbaħ, ikunu jistgħu jitgħallmu fuq l-annimali filwaqt li jkollhom ukoll iċ-ċans lijilagħbu magħhom. L-annimali li se jkun hemm f’dan il-petting farm jikkonsistu fi żwiemel, fniek, paguni, klieb, nagħaġ u mogħoż. Fost attrazzjonijiet oħra ser ikun hemm butterfly enclosure u dog park.
Fażi oħra tal-masterplan tal-Farm Sperimentali ser tara li s-sezzjoni tal-Animal Welfare f’Għawdex kif ukoll l-SPCA, li hija għaqda volontarja favur il-ħarsien tal-annimali, ikollhom faċilitajiet moderni minn fejn joperaw. Għalhekk permezz ta’ din il-fażi ser ikun hemm binjiet moderni u atrezzati biex ikompli jitjieb s-servizz li diġà qed jingħata mill-Ministeru għal Għawdex fejn jidħlu il-ħarsien tal-annimali.
“Hekk kif imħabbar fil-budget, bdejna nagħtu lura spazji miftuħa lill-familji tagħna,” qalet il-Ministru għal Għawdex. “Dawn huma proġetti ġodda għal gżira Għawdxija u li ser ikomplu jgħollu u jtejbu s-servizzi li diġà qed noffru. Apparti minn hekk, dawn is-servizzi ser ikomplu jedukaw lill-familji tagħna dwar il-kura u l-ħarsien tal-annimali,” qalet il-Ministru Caruana.
Dan l-ispazju miftuħ hu wieħed minn numru ta’ spazji oħra li ser jibdew jitgawdew mill-pubbliku. Diġà beda x-xogħol fuq ir-riġenerazzjoni tal-Fanal tal-Ġordan u l-akwati, kif ukoll, aktar tard din is-sena ser jiġi riġenerat l-Ulysses Grove.
Dan il-proġett qed isir b’investiment tal-Gvern ta’ Eur 400,000 u l-ewwel fażi hija anitiċipata li tkun lesta għal nofs din is-sena.
Ritratt: MGOZ