Ix-xogħol tal-proġett tal-villaġġ tal-Karnival beda, kif imwiegħed. Dan żvelah il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt li ppreżenta premijiet lill-parteċipanti tal-Karnival 2017.
Il-Ministru Bonnici spjega kif filwaqt li diġa ngħataw żewġ tenders għall-eskavazzjoni u t-twaqqigħ tal-bini eżistenti, imiss issa li tiġi ppublikata t-tender għall-kostruzzjoni sabiex imbgħad ikun jista’ jibda jinbena s-sit li fih se jsir il-proġett.
Il-Ministru Bonnici tenna kif dan il-Proġett tant mistenni mid-dilettanti tal-Karnival se jgħin lill-parteċipanti sabiex ikollhom aktar spazju minn fejn jahdmu.
Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-parteċipanti kollha li taw sehemhom fil-Karnival u li minn sena għall-oħra jiddedikaw il-ħin tagħhom sabiex ikun jista’ jittellgħa dan l-ispettaklu ta’ kuluri.