B’investiment ta’ €1.4 miljun il-Gvern qed jibni post ġdid f’Ħal Kirkop, minn fejn persuni b’diżabilità ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi tranżitorji dwar għajxien indipendenti fuq bażi residenzjali.
Il-proġett, li se ikun qed jitmexxa mill-Aġenzija Sapport, se jkun jista’ jilqa’ sa massimu ta’ disa’ persuni b’diżabilità fl-istess ħin.
Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-binja huwa mistenni li jitlesta sa Novembru li ġej u wara jibdew ix-xogħlijiet fuq ġewwa.
Hu mistenni li l-ewwel persuni b’diżabilità jibdew il-programm ta’ taħriġ fl-2025.
Din ir-residenza ġdida se tkun qed topera fuq bażi ta’ transizzjoni u mhux fuq bażi permanenti. Persuni b’diżabilità jagħmlu perjodu stipulat fir-residenza skont il-bżonn individwali tagħhom li matulu jingħataw taħriġ f’ħiliet ta’ għajxien indipendenti. Wara jkunu jistgħu jgħixu waħedhom jew b’sapport fil-komunità.
Ġie spjegat ukoll li se jitħejja pjan għal kull persuna fuq livell individwali b’miri li jkunu jridu jintlaħqu matul il-perjodu li dawn ikunu qegħdin jgħixu fir-residenza.
Il-pjan iħares ukoll lejn fejn se jkunu qed jgħixu wara l-programm tranżitorju, fejn hemm il-possibbiltà li jmorru jgħixu ma’ qrabathom fil-komunità jew f’akkomodazzjoni għal rashom jew ma’ oħrajn b’riżultat ta’ ftehim riċenti li sar bejn Aġenzija Sapport u l-Awtorità tad-Djar.
Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna ddeskriva l-proġett bħala mera ċara ta’ kif Aġenzija Sapport qed timxi fuq il-linja tal-UNCRPD fuq distituzjonalizzazzjoni u toffri aktar opportunitajiet biex persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità.
B’riżultat ta’ dan il-proġett u oħrajn fil-pjanijiet ta’ Aġenzija Sapport, iktar persuni b’diżabilità se jkollhom l-opportunità li mhux biss jiksbu indipendenza imma li matul il-perjodu tranżitorju jkunu segwiti minn ħaddiema tal-Aġenzija biex issir valutazzjoni u jitfassal pjan personalizzat biex dawn l-individwi jilħqu l-miri tagħhom.
Qal, “Naraw li jkollna faċilitajiet ta’ dan it-tip fejn naraw li ġo fihom, jiġu mħarrġa persuni b’diżabilita biex joħorġu jgħixu ħajja aktar indipendenti fil-kommunità.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, saħqet kif il-mod li bih se jkun qed jitħaddem is-servizz se jkompli jimplimenta l-pjan ta’ Aġenzija Sapport biex tkun tista’ tilħaq aktar persuni b’diżabilità. Dan billi toffri forma alternattiva ta’ appoġġ fil-qasam tas-servizzi residenzjali waqt li tgħinhom jilħqu livell ta’ indipendenza b’sapport minimu.
Qalet, “Dan il-proġett ġewwa Ħal Kirkop għandu investiment ta’ wieħed punt erba’ miljun ewro li l-għan tiegħu huwa li naraw li persuni b’diżabilita ikollhom post ta’ tranżizzjoni fejn huma se jkunu qed jgħixu f’din id-dar u jingħataw dak it-taħriġ neċessarju ta’ kif jistgħu jgħixu ħajja indipendenti.”
B’kollox l-Aġenzija Sapport għandha 10 residenzi f’Malta u waħda fir-Rabat, Għawdex. Proġett ta’ binja oħra fil-Qrendi wasal biex ikun konkluż.