B’investiment ta’ €18-il miljun ingħata bidu għall-proġett ta’ flyover ġdida għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi.
Apparti minn hekk se jsir ukoll titjib fir-roundabout tal-Gudja b’passaġġ ġdid għal Birżebbuġa. Kif ukoll il-proġett li jinkludi ukoll faċilitajiet aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota; b’hekk se jkun hemm żvilupp ukoll t’aktar faċilitajiet għall-modi alternattivi ta’ trasport.
Anton Zammit, il-Perit ta’ dan il-proġett spjega li x-xogħol ta’ dan il-proġett, li beda din il-ġimgħa, beda bit-tindif taż-żona li minn Ħal Luqa tagħti għal Gudja biex minflok jinbnew korsiji ġodda.
“Qegħdin inwessgħu u noħolqu korsiji ġodda biex matul il-proġett, meta mbgħad ikollna l-proċess li rridu nintervjenu fl-arterji propja, fit-toroq propja jkollna diġà toroq oħrajn diġà lesti biex ngħaddu, biex nassiguraw li t-traffiku għaddej.”
Il-Perit kompla jispjega x’se jkun qed isir wara li jitlesta dan il-proċess.
“Wara li nċaqilqu t-traffiku ħa nibdew l-iskavar l-propja l-maġġuri tal-under pass u l-kostruzzjoni tal-bridge.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan il-proġett se jkun qed itejjeb u jnaqqas il-ħin tat-traġitt ta’ dawk kollha li jkun jridu jivvjaġġaw minn u lejn l-irħula ta’ madwar l-ajruport u anke l-Port Ħieles.
“Il-piż ekonomiku u ħafna mill-attività ekonomika tal-pajjiż tiddependi minnhom ukoll; u għaldaqstant l-effiċjenza fuq dawn it-toroq f’din iż-żona partikolari hija kruċjali.”
Il-proġett tal-flyover ta’ Ħal Kirkop se jkun qed inaqqas it-traffiku u l-emissjonijiet u mistenni jitlesta fi żmien sentejn.