Din il-ġimgħa l-Kummissjoni għas-servizz pubbliku bdiet bil-proċess ta’ għażla għall-Kummissarju l-ġdid tal-pulizija.
14-il persuna tefgħu l-applikazzjoni għal din il-kariga.
Bi tmien persuni li applikaw għal din il-kariga u għamluha pubblika u għandhom esperjenza u servew fil-Korp tal-Pulizija.
Din id-darba hija l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li b’mod indipendenti mill-amministrazzjoni tal-pajjiż qiegħda tmexxi l-proċess biex timtela’ l-iktar kariga importanti fil-Korp tal-Pulizija.
Fost l-eżaminar li se jsir, il-Kummissjoni għas-servizz pubbliku se tagħmel psychometric test għall-applikanti.
Dan it-test se jivverifika jekk dawk li applikaw għall-kummissarju humiex fi stat mentali tajjeb biex jidħlu għall-ogħla kariga fil-Korp.
Wara, l-applikanti se jissejjħu għal intervista fi grupp u ser isirilhom intervista oħra b’mod individwali quddiem l-ħames membri tal-Kummissjoni għas-servizz pubbliku.
Wara dan il-proċess il-Kummissjoni se tagħżel żewġ persuni mill-14-il applikant, li jidhirlha li huma xierqa li jmexxu l-Korp tal-Pulizija.
L-ismijiet taż-żewġ persuni se jgħaddu lill-kabinett u se jiddeċiedu fuq min se jkun l-applikant il-preferut.
Il-Gvern se jirreferi lill-persuni magħżula quddiem il-Kumitat parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi. F’dan il-kumitat l-membri parlamentari se jkunu jistgħu jagħmlu skrutinju u jsaqsu l-mistoqsijiet li jridu lil din il-persuna waqt laqgħa li se tiġi anki mxandra fuq it-televiżjoni.
Il-Kumitat Parlamentari huwa magħmul minn membri tal-gvern u l-oppożizzjoni, iżda l-Oppożizzjoni għadha ma ddeċiditx jekk l-membri tagħha humiex se jipparteċipaw f’dan il-kumitat u jagħmlu l-grilling lill-persuna li se tieħu f’idha t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija ser timtela’ wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi.
Proċess mhux biss konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa minn idu l-veto dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.