Għas-sittax-il sena konsekuttiva, eluf ta’ persuni għażlu li jaqsmu Malta u fl-istess waqt taw donazzjoni għal Puttinu Cares.
Donazzjonijiet li se jmorru biex din il-Fondazzjoni tkun tista’ twettaq proġett kbir li se jissarraf f’aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra għall-benefiċċju tal-pazjenti Maltin li jkollhom bżonn jirrikorru għall-kura fl-Ingilterra.
Mal-għaxart elef persuna nġabru għall-istess għan, u mal-ewwel tokki ta’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira, imxew mill-Mellieħa sal-Furjana.
Dan għas-sittax-il edizzjoni tal-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares.
Din is-sena – bħal snin oħra – il-mixja bdiet mill-Mellieħa, iżda ħadet rotta differenti u ntemmet fuq il-Fosos tal-Furjana.
Il-moħħ wara din l-attività – li llum-il ġurnata saret sinonima mal-Ġimgħa Mqaddsa – huwa Joe Vella mill-Mellieħa, li ħadna lura sittax-il sena.
Joseph Vella – Organizzatur tal-Mixja
“Bdejt din il-mixja bħala wegħda jiena u r-raġel tat-tifla. Tlaqna mill-Mellieħa, mort il-knejjes tax-Xemxija u San Pawl il-Baħar, Mosta, Rabat, Ħaż-Żebbuġ u bqajt sejjer sal-Isla.”
Ma’ dan l-istazzjon spjega li tul l-ewwel ftit snin ingħaqdu miegħu qraba u ħbieb, iżda meta ġietu l-idea li jinvolvi lil Puttinu Cares, ħarġet fid-deher il-qlubija tal-Maltin, li kkonkorrew bl-eluf.
Joseph Vella – Organizzatur tal-Mixja
“Din il-mixja nista’ ngħidlek li mhix mixja faċli jiġifieri li timxi dawk il-kilometri kollha mhix faċli.”
Din il-mixja ma jagħmluhiex biss dawk fiżikament attivi, iżda anki tfal ċkejknin u dawk kbar fl-età.
Joseph Vella – Organizzatur tal-Mixja
“Jien għalija jkun ta’ sodisfazzjon u barra li huwa ta’ sodisfazzjon għalija tara lil dawn it-tfal, żgħażagħ u anki anzjani tara s-sodisfazzjon tagħhom li jkunu għamlu dak is-sagrifiċċju f’din il-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira.”
Bħal kull sena, il-flus li jinġabru jmorru għand Puttinu Cares, bil-għan li jgħinu biex tittaffa ftit mit-tbatija ta’ tant pazjenti Maltin li jkollhom jirrikorru għall-kura barra minn xtutna.
Minbarra l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li attendew, għexieren ta’ persuni ħadmu minn wara l-kwinti biex ħadu ħsieb il-loġistika tal-attività. Anki fejn tidħol iż-żamma tal-ordni u l-ħarsien tal-parteċipanti minn kull periklu li jistgħu jiltaqgħu miegħu fit-triq.
Sittax-il sena ilu, Joe Vella, qatt kien jemmen li se jasal s’hawn?
Joseph Vella – Organizzatur tal-Mixja
“Le u għadni sal-lum x’ħin nara dawk in-nies lanqas inkun irrid nemmen li dawn in-nies kollha jkunu ġew għal din il-mixja.”
Intant, aktar tard illejla mistenni jkomplu jinġabru aktar fondi waqt il-programm speċjali ta’ Xarabank.