Beda jopera bħala l-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Iċ-ċentru reġjonali, li jinsab f’Santa Luċija, qed jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, is-sena kollha.
Iċ-ċentru se jkun qed joffri lil vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru, diversi servizzi ta’ appoġġ u assistenza minn professjonisti, membri tal-korp tal-pulizija u ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam u minn diversi entitajiet.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg żaru dan iċ-ċentru fejn hemmhekk ingħataw tagħrif dwar il-proċeduri u l-passi li jittieħdu f’każ ta’ rapport ta’ vjolenza domestika.
Preżenti waqt l-istess żjara kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, attivisti fis-settur, fosthom il-Prof. Marceline Naudi u professjonisti oħra f’dawn l-oqsma daqstant sensittivi.
Il-Ministru Byron Camilleri stqarr kif dan l-ewwel hub twaqqaf wara li f’Novembru tal-2020 il-Korp tal-Pulizija waqqaf il-Gender Based and Domestic Violence Unit.
“Waqqafna l-ewwel hub f’Santa Luċija li huwa post aktar uman, aktar welcoming fejn diversi professjonisti flimkien ma’ stakeholders oħrajn jingħaqdu flimkien sabiex ningħaqdu flimkien sabiex nagħtu servizz lil vittmi tal-Vjolenza Domestika.Il-pass li jmiss huwa li jkollna hub ieħor fil-pajjiż, in-naħa tal-fuq tal-pajjiż li bl-istess mod inkunu nistgħu nagħtu assistenza lil vittmi tal-Vjolenza Domestika.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Intant, Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-problema tal-vjolenza domestika teħtieġ azzjoni kollettiva minn diversi entitajiet.
“Huwa ta’ sodisfazzjon meta tara li entitajiet governattivi b’sinerġija bejniethom, irnexxielna nwasslu dan il-proġett li se jkun ta’ servizz għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Għaldaqstant nawgura li kull min ikollu bżonn jiġi juża dan is-servizz hawnhekk sabiex nassiguraw li jkun hawn aktar servizz effiċjenti għal vittmi sabiex dejjem nassiguraw ġustizzja.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Apparti f’dan il-hub ġdid, vittmi tal-vjolenza domestika xorta jistgħu jibqgħu wkoll jmorru jagħmlu rapport lit-taqsima tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Iċ-ċentru jinsab fi Triq Dawret it-Torri, Santa Luċija.