F’San Vincenz De Paul twaqqfet klinika ġdida li toffri servizz ta’ sorveljanza għall-pazjenti li jkunu għamlu operazzjoni bħala parti mit-trattament tal-kanċer tal-pulmun.
Dan tħabbar dalgħodu f’konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz De Paul, Josianne Cutajar flimkien mal-Kirurgu Kardjopulmonari Mr David Sladden.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Abela qal li f’din il-klinika se ssir sorveljanza komprensiva biex f’każ li jkun hemm mard, dan jinqabad aktar kmieni u jiġi offrut trattament b’suċċess akbar; b’mod speċjali meta f’każijiet jinvolvi operazzjoni li fiha titneħħa parti mill-pulmun u l-glandoli ta’ madwarha. Għal dawn il-pazjenti hemm riskju ta’ inqas minn 10% li jerġa’ jitrabba l-kanċer jew saħansitra jifforma kanċer ġdid fil-bqija tal-pulmun.
Il-Ministru tenna l-importanza għal din is-sorveljanza għaliex il-kanċer tal-pulmun huwa l-aktar kanċer komuni u li b’xorti ħażina jwassal għall-mewt. Qal ukoll kif dan it-tip ta’ kanċer huwa l-aktar jaffetwa l-aktar lil persuni ta’ età kbira. Għalhekk, dan is-servizz se joffri aktar serħan il-moħħ għal dawn il-pazjenti filwaqt li se jassigura l-aqwa servizz ta’ follow-up u moniteraġġ tal-pazjenti.
It-tmexxija ta’ din il-klinika se tkun f’idejn il-Konsulent Kirurgu Kardjopulmonari Mr David Sladden filwaqt li s-servizz se jkun qed jingħata minn tim speċjalizzat fl-operazzjonijiet tal-pulmun, kif ukoll tim mill-Isptar San Vinċenz De Paul biex isiru l-moniteraġġi u r-riċerki neċessarji bħal X-Rays u CT Scans.
Bħalissa qed jinġabru d-dettalji tal-pazjenti li ser jibbenefikaw minn dan is-servizz ta’ klinika ġdida filwaqt li l-ewwel appuntamenti se jibdew jinħarġu f’Jannar li ġej.