Malli xrifna fuq l-għatba sibna żewġ nutcrackers qishom suldati, għassa mal-bieb u malli dħalna mill-antiporta sibna quddiemna dar b’tiżjin f’kull rokna, b’dawl imlewwen iteptep.
Bla ma trid, tisaħħar u tieqaf tħares lejn il-mod li Martin Bilocca jżejjen daru għal dan iż-żmien tal-Milied.
Martin, ħajjat prim miż-Żejtun, li ġej minn familja li jħobbu l-arti, qal li t-tiżjin tal-Milied huwa speċjali għalih għax jagħmlu kollu hu.
“Wara Jannar, kif inżarma, ngħid, ‘Mela, sena oħra dan inneħħih u nagħmel hekk’, u probabbli f’Jannar, Marzu nkun diġà bdejtu għall-Milied li ġej. Allura jkolli dik il-ħeġġa biex infittex narma s-sena d-dieħla biex noħroġ il-ġdid, għax jien kull sena nbiddel.”
Bejn kelma u oħra, Martin qalilna li mhux dejjem kien jarma għall-Milied.
“Qabel, meta kienu jgħixu miegħi ommi u missieri, speċi kienet tgħidli, ‘żejjen, Martin’. Kont ngħidilha, ‘Ma, tgħidli xejn, ma rridx, ma nħobbux il-Milied’. ‘Arma l-Bambin’. ‘Xejn ma rrid nagħmel’.”
Fil-fatt, illum il-ġurnata jżejjen b’tifrika ta’ ommu, li ħalliet din id-dinja f’Ottubru tal-2016, u mill-Milied ta’ dik is-sena beda jarma d-dar bit-tiżjin biex jiftakar u jonora lill-għażiża ommu.
Iżda, lil hinn mill-Milied, Martin qalilna li ma’ tistax tkun miż-Żejtun u ma tkunx tħobb il-Ġimgħa l-Kbira u l-Festa ta’ Santa Katerina. Fil-fatt, jarma daru wkoll anki għal dawk l-okkażjonijiet.
“Fil-Ġimgħa l-Kbira għandi tliet statwi, narmahom hawnhekk ukoll, u l-Irxoxt, u fil-festa l-istess, għandi Santa Katerina, narma t-titular, u għamilt tliet vari oħra din is-sena, stil Naplitan. Jintremgħu woll u fil-Ġimgħa l-Kbira nieħu sehem, għax hawn kważi ma tistax ma tiħux sehem fil-Ġimgħa l-Kbira ż-Żejtun.”