Għexieren ta’ ġenituri, u tfal fittxew l-għajnuna minħabba użu ħażin tal-midja soċjali, bħas-cyber bullying, is-cyber stalking, u forom oħra ta’ użu ħażin ta’ mezzi teknoloġiċi.
Fil-fatt, il-helpline 179, li hija wkoll il-helpline nazzjonali, irċeviet 505 telefonati fis-sena 2020 u 691 telefonata fis-sena 2021 relatati mas-sigurtà fuq l-internet. In-numri jirriflettu l-perjodu fejn il-lockdown wassal għal aktar ħin fuq l-internet.
Dan tħabbar wara it-tnedija tas-seba’ edizzjoni tal-proġett BeSmartOnline, li għandu l-għan li jagħti ħarsien lit-tfal b’rabta mad-diffikultajiet li jġib miegħu l-użu tat-teknoloġija, kif ukoll li jagħti aktar għarfien lill-ġenituri u lill-edukaturi.
It-tnedija saret il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
Fil-manifest elettorali tiegħu għall-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista kien irrimarka li l-midja soċjali hija għodda b’saħħitha li saret parti mill-ħajja ta’ kulħadd, speċjalment l-adolexxenti.
Fid-dawl ta’ dan, wiegħed li Gvern Laburista jiggwida lit-tfal, l-adolexxenti, u l-ġenituri biex jagħmlu użu għaqli mill-midja soċjali u jkunu konxji tal-konsegwenzi tal-użu ħażin ta’ dawn il-mezzi b’detriment għall-privatezza tagħhom.
Il-proġett jinsab onlajn fuq is-sit besmartonline.org.mt.
Il-proġett huwa implimentat permezz ta’ konsorzju kkoordinat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (l-FSWS), illi taħdem kontinwament sabiex issaħħaħ il-benesseri tas-soċjetà utilħaq l-aktar nies vulnerabbli li għandhom bżonn għajnuna finanzjarja u soċjali.