Bdot ta’ tlieta u tletin sena ammetta li qatel lil martu, Caroline Crouch, f’delitt li xxokkja lill-Greċja.
Ir-raġel ġie arrestat wara l-funeral ta’ martu fil-gżira ta’ Alonnisos fejn il-mara trabbiet u għexet.
Oriġinarjament, ir-raġel tal-vittma kien qal li daħlulhom tliet ħalliela f’darhom fil-Greċja u rabtulu idejh imbagħad fgaw lill-mara.
Madanakollu, wara investigazzjoni metikoluża, il-Pulizija nnutaw diversi inkonsistenzi fl-istorja li ta r-raġel.
L-investigazzjonijiet li saru fuq l-apparat teknoloġiku kemm tal-mara kif ukoll tar-raġel ikkonfermaw dawn l-inkonsistenzi.
Fost l-oħrajn, fil-ħin meta r-raġel qal li kellu idejh marbuta, il-Pulizija raw li kien qed juża l-mobile.
Il-mara, li kellha għoxrin sena, twieldet l-Ingilterra u marret tgħix il-Greċja ma’ familtha meta kienet għadha tifla.
Meta nqatlet fil-ħdax ta’ Mejju li għadda, kienet qed tgħix ma’ żewġha u t-tarbija tagħhom f’Ateni.