L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li, fil-każ tal-inkjesta dwar l-isptarijiet, hu spiċċa l-attur prinċipali f’reċta li ma kienx mistieden fil-pubbliku għaliha.
Dr Muscat qal li meta saru l-ewwel u t-tieni talba għall-ftuħ tal-inkjesta dwar l-isptarijiet mill-għaqda Repubblika fl-2019 hu ma ssemma mkien. Kien biss f’Novembru tal-2021, meta hu ma kienx għadu Prim Ministru u meta l-inkjesta kienet diġà ntalbet u nfetħet, li Repubblika ressqet talba biex hu jiġi investigat.
Saħaq li l-Maġistrat Gabriella Vella ħadmet biex iżżomm kollox f’idejha, fejn anke talbet lill-Pulizija biex ma jagħmlu xejn u jinformaw b’kollox lilha. L-eks Prim Ministru qal li l-proċeduri fil-konfront tiegħu ma sarux kif suppost u kollox sar bi ħsieb li hu ma jkollux id-dritt tiegħu li jwieġeb għall-akkużi kontrih, imħares.
Minflok, kompla jgħid Dr Muscat, hu spiċċa l-attur prinċipali fl-inkjesta, akkużat b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, frodi u li hu kap ta’ organizzazzjoni kriminali, meta ismu ma kienx inkluż fit-talba oriġinali tal-inkjesta.
L-eks Prim Ministru saħaq li waħda mir-raġunijiet ewlenin li wasslitu biex jitlef il-fiduċja fl-inkjesta u fil-Maġistrat Vella kienu l-leaks kontinwi fil-gazzetti.
Eventwalment, meta ġiet ippubblikata l-inkjesta, ħareġ ċar li dak li kien qed jidher fil-gazzetti, partikolarment fit-Times, kien fil-fatt parti mir-rapport tal-espert ewlieni fl-inkjesta, Jeremy Harbinson. Qal li anke t-tfittxija fid-dar tiegħu kellha tkun posposta b’ġimgħa minħabba leak li kienet tinvolvi lill-Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, kif xehed eks uffiċjal tal-Pulizija fil-Qorti.
Dr Muscat irrimarka kif, għall-inkjesta, il-mobiles tat-tfal tiegħu kienu importanti tant li ġew ikkonfiskati, iżda, fl-istess ħin, ma ttieħdet ebda informazzjoni mis-servers tal-kumpanija li għamlet it-tender għall-konċessjoni tal-isptarijiet.
Żied li l-għażla li ssir tfittxija fid-dar tiegħu kienet għażla politika maħsuba biex ikun hemm distabilizzazzjoni tal-pajjiż.
Fi tmiem ix-xhieda tiegħu, Dr Muscat irrimarka li d-dispjaċir li għandu hu li, meta kien Prim Ministru, ma tax attenzjoni biżżejjed lil dak li kien għaddej fil-Qorti fejn saħaq li hemm bżonn ta’ riformi kbar minn fuq s’isfel.