Ġie inawgurat l-ewwel uffiċċju ta’ AgriConnect fil-Mellieħa, li flimkien ma’ oħrajn li se jinfetħu s-sena d-dieħla, se jassigura aċċess aħjar għas-servizz tal-AgriConnect għall-bdiewa. Dan se jaqdi l-bżonnijiet tal-bdiewa bbażati f’Għawdex u fit-Tramuntana ta’ Malta.
Is-sena li għaddiet il-Ministeru għall-Agrikoltura kien nieda is-servizz tal-AgriConnect, minħabba li fl-aħħar snin numru ta’ bdiewa u raħħala Maltin esperjenzaw diffikultajiet biex jkunu konformi mal-bżonnijiet marbuta mal-Politika Agrikola Komuni. L-Assistent Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech spjega li dawn l-uffiċini se jservu wkoll ta’ dak magħruf bħala one stop shop għall-bdiewa u r-raħħala
Huwa spjega: “Biex jekk ikollhom bżonn servizz li aħna qed noffru, ikunu jistgħu jiġu u jew jinqdew direttament hawnhekk, jew nagħtuhom appuntament biex jiltaqgħu mal-esperti biex jagħtu parir. Dan hu l-ewwel minn sensiela ta’ uffiċini li rridu niftħu.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal li l-għan ewlieni tal-AgriConnect huwa li jiġi żgurat li tintlaħaq konformità xierqa mal-bdiewa, u biex jgħinuhom jindirizzaw sfidi, diffikultajiet u problemi tekniċi oħra li jiltaqgħu magħhom.
Huwa sostna: “Naħseb l-AgriConnect hu importanti għaliex jagħti pariri siewja lill-bdiewa anke żgħażagħ, li hemm irridu mmorru, jistgħu jimirħu u jieħdu pariri b’xejn biex ikomplu bis-sengħa tagħhom.”
Dawk interessati fis-servizz jistgħu jżuru s-sit agriconnect.mafa@gov.mt