Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-proġett pilota li permezz tiegħu qed jiġi esplorat il-potenzjal li pajjiżna jattira aktar kumpaniji barranin għal skopijiet ta’ riċerka u esperimentazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva u taħriġ.
Dan sar b’investiment ta’ żewġ drones li permezz tagħhom fil-mument qegħdin janalizzaw l-effiċjenza ta’ dan l-apparat fil-qasam tal-agrikoltura.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hawk AeroSpace, Roger Archer spjega li qed jutillizaw teknoloġija avvanzata f’Malta biex jagħtu servizz lil bdiewa fejn permezz tad-drones wieħed jista jbexx jew jispezzjona l-għelieqi tiegħu minn xi mard, f’temp ta’ ftit minuti.
Qal, “Dan jista jiffrankalhom mijiet u anke eluf ta’ flus fis-sena u barra minn hekk inaqqas il-ħin li għalihom, b’ħafna drabi ma għandhomx valur u itihom iċ-ċans li jutilizaw fiż-żoni fejn l-iktar li se iżidu l-prodott tagħhom u l-kwalità tal-prodott.”
Archer spjega li permezz ta’ tagħmir apposta l-ewwel drone janalizza l-medda ta’ art ikkonċernata biex jiġi vverifikat liema parti tal-ħxejjex għandhom il-bżonn tal-bexx.
Wara li ssir din l-analiżi l-ewwel drone jgħaddi sinjal lit-tieni drone biex bi preċiżjoni jindikalu fejn għandu bżonn jingħata xi pestiċida. B’dan il-mod jinħlew mill-inqas riżorsi għaliex id-drone għandu preċiżjoni qawwija li tvarja biss b’ċentimetru.
Spjega, “Ikun qed jiġbed immaġini partikolari. Id-dawl differenti li aħna ma narawx. Minnhom jiġbed dik l-informazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanta fejn qed isofri mard jew anke nuqqas ta’ anke minerali.”
Id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, Ikel u Drittijiet tal-Annimali Mario Spiteri saħaq li l-użu ta’ drones f’din l-industrija hija xi ħaġa innovattiva.
Huwa tenna li llum il-ġurnata hawn bdiewa żgħażagħ li qed jitħarrġu permezz ta’ dan l-investiment f’dan is-settur.
Fil-fatt iktar bdiewa qed jiġu mħajjra jkomplu jaħdmu l-għelieqi filwaqt li jattendu għat-taħriġ offrut.
Qal, “Diversi kellmuna, imma ħa jkun utli fejn jidħol tkabbir ta’ dwieli, speċjalment dwieli li ikunu f’għelieqi imdaqqsa li minnhom ħa jintuża l-għeneb għall-inbid.”