Bdiewa u raħħala se jkunu jistgħu japplikaw sabiex jattendu għall-korsijiet tal-MCAST dwar is-settur tagħhom. F’konferenza tal-aħbarijiet mill-campus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, Malcolm Borg li huwa d-deputat direttur tal-istitut tal-Agribuisness saħaq li huwa importanti ferm li nies li ilhom sa minn ġuf ommhom fis-settur ikomplu jitgħallmu dwar is-suġġett tagħhom.
Borg spjega: ““Il-bdiewa jiddependu minn ħiliet u kompetenzi li jkunu tgħallmu mingħand missirijiethom, zijiet, etċ, u allura meta huma s-suġġetti li jaħdmu fihom forsi mill-lat xjentifiku u meta jidhmu t-teorija wara dak li qed jagħmlu jkunu jistgħu iħaddmu r-raba’ tagħhom b’mod aħjar.”
Huwa kompla jispjega li l-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet se jdumu mituħa sal-31 t’Ottubru. Spjega li l-bdiewa u r-raħħala se jkunu jistgħu japplikaw għal diversi korsijiet fosthom tat-trobbija tal-fniek, tat-tiġieġ u dwar il-produzzjoni tal-ħalib.
Borg qal ukoll li l-esperjenza tal-bidwi se tkun qed tiswa mitqlu deheb għall-mitejn student żagħżugħ li bħalissa qegħdin jistudjaw f’dan l-istitut tal-MCAST.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-annimali u agrikultura Clint Camilleri laqa’ dan il-ftehim li ntlaħaq mal-MCAST hekk kif permezz tiegħu se tkun qed titwettaq miżura oħra mill-budget ta’ din is-sena.