Iktar minn elf u tliet mitt immigrant telqu minn Calais wara li nbdiet operazzjoni biex tkun eliminata dik deskritta bħala ‘ġungla’, li hija l-kamp tal-immigranti fil-belt Franċiża.
Bħalissa f’Calais hemm mas-sebat elef persuna f’kundizzjonijiet miżeri, li kienu ħarbu l-gwerra u l-faqar f’pajjiżhom, għal raġunijiet umanitarji.
L-aħħar rapporti mill-midja Franċiża ikkonfermaw li l-maġġoranza tal-immigranti kkoperaw mal-awtoritajiet.
Għalkemm ir-Renju Unit qed jaċċetta ftit mill-elf u tliet mitt tifel u tifla mill-port ta’ Calais, id-destin ta’ dawn it-tfal għadu mhux ċert.
Intant, il-Ħadd filgħaxija daħħlu rapporti li grupp ta’ immigranti kellhom diżgwit mal-Pulizija tant li dawn tal-aħħar kienu kostretti jisparaw gass tad-dmugħ biex iżommu l-kontroll.