Produzzjoni Amerikana bl-isem ta’ “The Silent Hour” bdiet tinġibed f’diversi lokalitajiet f’Malta fejn għall-ewwel darba pajjiżna ser jkun qed jilbes il-libsa ta’ Boston.
“The Silent Hour” ser jinġibed f’37 jum ta’ produzzjoni f’Malta, u ser iħalli aktar minn €9.7 miljuni fl-ekonomija lokali. L-atturi Joel Kinnaman attur prinċipali fil-film rinomat Suicide Squad u Mark Strong b’parti b’saħħitha f’films bħal Kingsman: The Secret Service, “Sherlock Holmes” u “Zero Dark Thirty” huma żewġ uċuħ familjari ser ikunu l-protagonisti f’dan il-film.
Din il-produzzjoni ser tħaddem madwar 90 persuna lokali u 27 barrani.
Waqt żjara fuq il-post fejn qed tinġibed xena partikolari f’pajjiżna, il-Kummissarju tal-Films f’Malta Johann Grech irrimarka kif il-pjan tal-Kummissjoni qiegħed jaħdem.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li niltaqa ma’ nies ġodda li illum qegħdin jaħdmu fl-industrija wara li lestew l-ewwel sessjoni ta’ korsijiet li aħna qegħdin noffru”, sostna Grech hekk kif temm jgħid li l-Kummissjoni Maltija tal-Films se tibqa’ determinata biex jiġu attirati aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li din il-produzzjoni hija turija ċara ta’ kemm pajjiżna qiegħed jesperjenza industrija tal-films vibranti u kontinwa. Irrimarka li l-għan tal-Gvern huwa huwa li jkompli miexi bil-pass li qabad billi jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol għal dawk li jaraw din l-industrija bħala karriera ewlenija tagħhom.
Il-produttur Eric Paquette irringrazzja lil Kummissjoni Maltija għall-Films għal ħidma kontinwa li qed twettaq biex toħloq industrija sostennibli fejn fiha jaħdem kulħadd. Il-ġimgħa li għaddiet, is-sur Paquette pparteċipa wkoll f’sessjoni mal-istudenti tal-Universita ta’ Malta u tal-MCAST permezz ta’ diskussjoni miftuħa dwar l-industrija tal-films.