Il-Caritas kienet qisha t-tieni dar tiegħi.
Dan qalitu Mariosa Camilleri, mara li b’suċċess, għelbet il-vizzju tagħha tad-droga u xorb, permess tal-għajnuna li toffri l-Caritas.
F’intervista emozzjonanti, Mariosa spjegat kif għaliha, il-vizzju tad-droga beda wara traġedja fil-familja.
Kien miet ħuha.
Hija stqarret: “Ta’ għoxrin sena miet. Il-mimmi t’għajnejja kien. Missejt l-ewwel darba mal-coke ġimgħa wara li miet.”
Sostniet li wara dan, hija għamlet għoxrin sena minn ħajjitha maħkuma mill-vizzju tax-xorb u l-kokaina. Dan kollu sabiex tinsa l-problemi personali li kellha, iżda meta l-effett tad-droga kien jitlaq, kienet tispiċċa tħossha agħar: “Titlef kull dinjità f’ħajtek u biha ma tgħinx il-problemi li jkollok, anzi żżidhom.”
Għal Mariosa, mingħajr il-ħidma bla qies tal-Caritas, ħajjitha mhix kif inhi llum il-ġurnata.
Hija qalet, “Illum il-ġurnata jien grata ħafna lejn il-Caritas, speċjalment lil Leon. Ħa ħsiebi u ma telaqni qatt.”
Illum Mariosa tgħix ħajjitha ’l bogħod minn kull tip ta’ sustanza, u b’hekk tista’ tgawdi ħajjitha u r-relazzjoni tagħha ma’ bintha.
Hija stqarret: “Qed inħossni li erġajt twelidt mill-ġdid.”
Mariosa hija waħda minn bosta li rċievew l-għajnuna tal-Caritas, l-organizzazzjoni li s-Sibt bejn nofsinhar u nofs il-lejl se tkun qed titlob l-għajnuna permezz ta’ xandira maratona ta’ ġbir ta’ fondi.