Beda servizz imsejjaħ Waste to Water Surveillance, li permezz tiegħu qed jiġi analizzat l-ilma tad-dranaġġ biex jiġi ddeterminat x’tip ta’ mikrobi qed ikun hemm fih. B’hekk, ikun possibbli li nkunu nadu qabel f’każ ta’ imxija ġdida.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fil-Parlament.
“Biex naraw x’tip ta’ mikrobi hemm ġo fih, biex naraw u nkunu nafu qabel tibda fil-komunitajiet jekk ikun hemm xi mxija ġdida, u biex nibdew naraw issa, anki fil-ġranet li ġejjin, il-prevalenza ġewwa pajjiżna ta’ dik li tissejjaħ anti-microbal resistance, li hija xi ħaġa illi d-dinja bdiet tesperjenza, fejn qed ikollna mikrobi illi ma jaħdmux l-antibijotiċi. Anzi, aħna bdejna nistudjawha – wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja – anki billi nħarsu lejn l-ilma tad-dranaġġ.”
Id-Deputat Prim Ministru qal li fl-Isptar Boffa fil-Furjana għaddej xogħol ta’ rinnovar għal meta jkun hemm iżjed pazjenti minħabba l-influwenza.
“Qed nieħdu l-prekawżjonijiet. Fl-Isptar Boffa qed nagħmlu refurbishment qawwi biex ikollna, għall-aħħar ta’ Diċembru, bidu ta’ Jannar, għal meta nkunu fl-agħar tal-admissions fl-isptarijiet, bejn l-ewwel 40 u 60 sodda ġdida fejn jista’ jkollna spilloff, fejn hemm bżonn, f’dawk il-ġimgħat.”
Huwa fakkar li, minn-nhar it-Tnejn se tibda l-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza u l-booster għall-varjant Omicron tal-Covid-19 għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 55 sena, għan-nisa tqal, għal dawk li għandhom mard kroniku, għat-tfal ta’ bejn is-sitt xhur u l-ħames snin, u għal dawk li jgħixu f’istituzzjoni.
Dawn se jkunu qed jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa kollha u f’numru ta’ bereġ.
Imbagħad, mill-31 ta’ Ottubru, din se tkun miftuħa għall-pubbliku kollu.
Ritratt: Cheney Orr/Bloomberg via Getty Images