Elaine Pavia ilha għal dawn snin tmexxi Dar Merbħa Bik li nfetħet biex toffri wens, kemnn u refuġju lil tfajliet u nisa li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli fosthom abbuż ta’ vjolenza domestika.
Elaine bdiet ħadet it-tmexxija ta’ din id-dar wara li segwit wieħed minn għexieren ta’ korsijiet li joffri l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza t-Teknoloġija l-MCAST.
Ma’ ONE NEWS tirrakkonta li bdiet l-esperjenza tagħha fil-ħiliet vokazzjonali tlettax-il sena ilu wara li temmet l-iskola sekondarja.
Madankollu tistqarr li meta ġiet biex tagħżel il-futur ta’ ħajjitha, ħassitha f’salib it-toroq.
Pavia qalet “ovvjament dak iż-żmien ma kontx naf x’se nagħmel b’ħajti, dilemma fuq liem triq nixtieq nieħu, dak iż-żmien l-istudju vokazzjonali ma kienx bħal lum il-ġurnata b’ħafna awareness u kont għaddejt għall-ewwel laqgħa u għedt din hi t-triq ideali għalija”Hija ssoktat bl-istudji tagħha minkejja d-diversi sfidi u ostakli li offritilha l-ħajja u bi kburija qalet li fl-elfejn u tnax iggradwat mill-kulleġġ.
Qalet kif “bdejt minn livell bażiku u fl-2012 iggradwajt f’baċċelerat fl-arti fil-health and social care management jiġifieri t-triq tiegħi kienet ta’ seba’ snin studju u llum il-ġurnata wasalt fejn qiegħda llum”
Hija kompliet miexja ‘l quddiem sakemm ħadet f’idejha it-tmexxija ta’ Dar Merħba Bik, l-akbar xelter għall-vittmi ta’ vjolenza domestika f’Malta.
Hija appellat biex jingħata widen għal kull żagħżugħ u żagħżugħa li qed ifittex l-għajnuna għall-għażliet li trid tagħmel f’ħajjitha.
Pavia spjegat li “aħna mmissu l-vokazzjonal magħna, jekk huwa hairdresser, mekkanik, dawn huma nies kollha li studjaw f’areas vokazzjonali, kulħadd huwa worth it”
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, James Calleja sostna li kull individwu għandu potenzjal u li permezz ta’ sessjonijiet bħal dawn, tista’ tingħata għajnuna f’waqtha biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ kull student u studenta.
Calleja qal “jien nħeġġeġ lill-ġenituri u ż-żgħażagħ biex ikunu aktar infurmati dwar x’joffri l-MCAST, l-MCAST ma tiġix biss biex tistudja iżda wkoll taħdem u tista’ tiltaqa’ ma’ sħabek u tiftħu kumpanija jew issibu job li jkun għal qalbkom tul il-ħajja”