Is-sengħa tal-madum f’pajjiżna minn dejjem kienet sengħa tradizzjonalment marbuta aktar mas-sess maskili.
Madankollu, Rebecca Lia, li għad għandha biss għoxrin sena, iddeċidiet li tikser dan l-isterjotip u, fil-fatt, hi waħda mill-ftit nisa f’pajjiżna li qed jirnexxielhom jiksbu suċċess fl-arti tal-produzzjoni tal-madum, li jiġi maħdum kompletament bl-idejn.
L-istorja ta’ Rebecca bdiet madwar għaxar snin ilu meta missierha, li hu restawratur, iltaqa’ b’kumbinazzjoni ma’ Għawdxi, li ma seta’ jsib lil ħadd lil min jgħaddi din is-sengħa. Wara diskussjonijiet, missier Rebecca ddeċieda li jakkwista l-kumpanija tiegħu.
Waqt żjara, li saritilha mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, spjegat kif sa minn mindu kellha għaxar snin kienet tmur taħdem ma’ missierha u hi l-unika waħda, minn tliet aħwa, li nġibdet lejn din l-arti.
Hi qalet li, għalkemm il-mentalità qed tinbidel, l-isfidi huma kbar f’settur li wkoll hu tradizzjonalment tal-irġiel.
Qalet, “Jiena nixtieq li, ovvjament, inkomplu nsaħħu l-għarfien, inkompli niżviluppa l-iskills tiegħi f’din is-sena u li nesponu kemm jista’ jkun lin-nies permezz ta’ workshops, b’open days, biex nipprovaw kemm jista’ jkun insaħħu din is-sengħa daqshekk importanti għalina.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari sostniet dwar l-importanza li nibqgħu niġġieldu għall-ugwaljanza f’kull qasam tas-soċjetà.
Qalet, “Meta qed nitkellmu fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, dan hu eżempju ħaj, eżempju prattiku ta’ xi tfisser l-ugwaljanza, għax inti, anke jekk inti mara, tista’ tagħmel l-istess xogħol bħal raġel u mhux biss, tista’ tkun suċċess. Għaldaqstant nieħu gost ħafna nara dawn l-istejjer u x-xogħol tagħna, bħala Gvern, hu li nimbottaw dan il-messaġġ, li minkejja l-isterjotipi, inti tista’ tagħmel dak kollu li tixtieq fil-ħajja tiegħek.”