Disgħa u disgħin sena ilu bdeit il-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin fil-Ħamrun mill-fundatur tal-MUSEUM, San Ġorġ Preca.
ONE News tkellem mas-Superjur tal-MUSEUM ta’ Raħal Ġdid u Santa Luċija Neil Aquilina, li qal kif l-ewwel qaddis Malti ried juri lin-nies il-misteru tal-Iben ta’ Alla Sar Bniedem u spjega kif saret l-ewwel purċissjoni.
Huwa spjega: “Kienet ta’ malajr, lanqas Bambin ma kellhom tal-qies li riedu. Issellfu wieħed mingħand xi patrijiet Franġiskani u dak iż-żmien bil-weraq tal-palm, min kellu xi xemgħat jew dawl jew fanali u daru mat-toroq tal-Ħamrun.”
Aquilina spjega kif it-tradizzjoni kompliet tikber, fejn anke bdiet issir barra minn xtutna.
Huwa tenna: “Min hemmhekk baqgħet tikber f’kull belt u raħal kull fejn hemm MUSEUM, anke fejn ma jkunx hemm jiġifieri saret sabiħa tradizzjoni sabiħa.”
Minħabba l-pandemija tal-Covi-19, din il-purċissjoni mhux se tkun qed issir. Minkejja l-limitazzjonijiet, Aquilina qal kif matul dan iż-żmien ta’ festi l-MUSEUM xorta kien miftuħ għat-tfal.
Aquilina sostna: “Fin-Novena, il-kbar ġew hawnhekk u kellna programm varjat ta’ talb, tagħlim. Propju fuq is-sabiħ u l-importanza tal-Milied. Maż-żgħar, din is-sena għamilniha b’distanza soċjali fiżikali mhux ta’ żewġ metri imma permezz ta’ online, għamilna ċ-ċelebrazzjoni permezz tal-online.”