Se tibda tinduna li l-jiem se jitwalu u l-iljiel se jibdew jiqsaru. Se tibda tinduna li t-temperatura, ftit ftit, se tibda tiżdied. Se tibda tara aktar turisti fil-bajjiet, inqas ħwejjeġ fuq in-nies, tempra li titla’ aktar malajr, ħlief forsi għal min ibiegħ il-ġelati. Dawk tarahom bi tbissima, lesti għal sajf ta’ profitti u tgergir minn-naħa l-oħra, minħabba l-obeżità. Ma ninsewx il-BBQs, in-nemus, il-festi u l-ommijiet jitolbu li terġa’ tibda l-iskola ma ddumx.
Dan kollu qed insemmuh għax bdiet ir-rebbiegħa. Staġun qasir li ħafna jirreferu għalih bħala l-isbaħ tas-sena, għax la tkun wisq sħana u lanqas wisq bard.
Iżda llum, propju meta għandna ħabta niċċelebraw ir-rebbiegħa, it-temp irid jiċċajta. Wara jiem twal ta’ temp li bosta jsejħulu perfett, sebaħ jum umduż, mudlam u griż.
Għal min iħobbu dan iż-żmien; kuraġġ. Tista’ toħroġ il-ħwejjeġ ‘ta’ mezzutemp’ xorta waħda. Wara llum, it-temperaturi se jiżdiedu, skont l-uffiċju meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Għal min jinteressaħ is-suġġet, hawn huma ftit iktar dettalji.