Il-Low Wage Commission, permezz tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ingaġġat konsulenti biex jiġbru informazzjoni u jippreżentaw rakkomandazzjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-paga minima f’Malta.
Il-kummissjoni twaqqfet wara ftehim bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, biex tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern għal reviżjoni tal-paga minima f’pajjiżna.
Hija ppreseduta minn David Xuereb, li huwa chairperson tal-MCESD.
Xuereb ikkonferma ma’ mezzi tax-xandir li l-kummissjoni qed taħdem qatih fil-fażi ta’ ġbir ta’ informazzjoni.
“Ir-rakkomandazzjonijiet se jiġu offruti lill-gvern wara li jsiru l-istudji u jiġu kkonsidrati s-suġġerimenti mill-partijiet kollha u tintlaħaq pożizzjoni konverġenti.”
David Xuereb
Fil-kummissjoni hemm diversi rappreżentanti tal-unjins, ta’ min iħaddem u tal-Gvern. Il-General Workers Union, il-Union Ħaddiema Maqgħudin, il-Konfederazzjoni ta’ Malta Trade Unions, u Forum Unions Maltin qed jirrappreżentaw l-interessi tal-ħaddiema, filwaqt li min iħaddem qed ikun rappreżentat mill-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem u l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u Ristoranti.