Illum il-votazzjoni bikrija għal dawk li għażlu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom illum, minflok fil-jum proprju tal-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali kollha nhar is-Sibt li ġej, 8 ta’ Ġunju.
Fil-fatt b’kollox ġew irreġistrati mal-Kummissjoni Elettorali xejn inqas minn għaxart elef, mija u tmin voti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u għaxart elef, mija u disgħa u tletin persuna għal dawk tal-Kunsilli Lokali, li minħabba safar jew interventi mediċi, għażlu li jivvotaw illum.
Dawn jistgħu jivvotaw fil-binja tal-Kummissjoni Elettorali fl-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar għall-Maltin u fl-Experimental Farm fi Triq l-Imġarr, fix-Xewkija, għal dawk irreġistrati fuq Għawdex.
Dawk kollha li jinsabu rikoverati fid-djar tal-anzjani wkoll se jkunu intitolati li jivvotaw illum ukoll fir-residenzi ta’ kura stess fejn jgħixu.
Il-votazzjoni tiftaħ fis-sebgħa ta’ filgħodu u tagħlaq fl-għaxra tal-lejla, b’dawk li se jivvotaw iridu jieħdu l-karta tal-identità.
Wara din il-ġurnata tal-1 ta’ Ġunju, il-votazzjoni bikrija tkompli matul il-ġimgħa li ġejja, hekk kif, fost oħrajn, se ssir il-votazzjoni fl-isptarijiet nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju.
Sadanittant dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom għat-8 ta’ Ġunju għadhom jistgħu jagħmlu dan mill-għases illum bejn it-8:00 ta’ filgħodu u l-10:00 ta’ bil-lejl u għada l-Ħadd, għall-aħħar darba, sa nofsinhar.
Wara l-voti li jifdal ikunu jridu jinġabru direttament mingħand il-Kummissjoni Elettorali.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jikkuntattja lill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq in-numri 20 90 15 30 jew 21 24 99 00.