Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija laħaq tragward importanti ieħor hekk kif il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew iqiegħdu f’posthom l-ewwel ħitan li se jiffurmaw il-qafas tal-mini.
Il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ €20 miljun.
Il-ħitan huma magħmulin minn blokki għoljin tal-konkos li qed jiġu mmanifatturati b’disinn apposta għal dan il-proġett f’impjant lokali.
Il-mini se jiffurmaw konnessjoni diretta bejn Vjal Santa Luċija u t-Triq tal-Barrani. Dan sabiex titnaqqas sostanzjalment il-konġestjoni tat-traffiku fir-roundabout fit-tarf tat-telgħa magħrufa bħala tal-Addolorata, fejn ta’ kuljum jgħaddu eluf ta’ vetturi.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega: “Issa wasalna f’fażi interessanti fejn bdew tilgħin ukoll ir-retaining walls. Dan il-proġett huwa proġett ambizzjuż, huwa proġett li miexi skont l-iskeda tal-ħin tiegħu u nħarsu ’l quddiem sabiex ikun komplut matul ix-xhur li ġejjin.”
Ix-xogħlijiet tat-tħaffir tal-mini b’tul ta’ 90 metru l-waħda miexi b’ritmu tajjeb ukoll. Ħdejhom se jinbnew rampi ta’ 130 metru l-waħda biex jgħaqqdu l-mini maż-żewġ toroq arterjali.
Fuq il-mini se tinbena mill-ġdid ir-roundabout b’disinn ġdid li jipprovdi aċċess eħfef u aktar sigur lir-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Il-proġett beda’ f’Novembru li għadda u qiegħed jikkumplimenta x-xogħlijiet li qegħdin isiru iktar ’l isfel fil-Junction tal-Marsa.
Il-Ministru Borg sostna: “Rajna imma li jekk ma nintervjenux f’Santa Luċija konna ser nipposponu dik l-isfida, allura l-mini li qed isiru – investiment ta’ €20 miljun sabiex in-nies ta’ Santa Luċija, ta’ Ħal Tarxien, ta’ Raħal Ġdid ikunu jistgħu jkompli l-vjaġġ tagħhom b’mod aktar trankwill.”
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid b’disinn imtejjeb tal-mogħdija għall-ġiri li hemm fil-viċinanzi, titjib tas-subway ta’ Triq tal-Barrani biex tkun aċċessibbli wkoll għaċ-ċiklisti u persuni b’diżabilità.
Għaċ-ċiklisti se tinbena korsija ġdida għar-roti li se tgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa.
Bħala parti mill-proġett qed tinbena wkoll mina oħra sabiex minnha jgħaddu l-konnessjonijiet tal-elettriku u servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-internet li sal-lum kienu mirduma fit-triq.
Infrastruttura Malta qed tistima li l-proġett mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.