Tħabbru aktar ħlasijiet ta’ pagamenti – din id-darba tal-In Work Benefit u l-Carers’ Grant – żewġ benefiċċji li ġew introdotti minn Gvern Laburista, u li baqgħu jissaħħu minn sena għal oħra. Dan filwaqt li twessa’ l-grupp ta’ nies eliġibbli għal dawn il-benefiċċji.
Fuq medda ta’ għaxar snin, dan il-benefiċċju ammonta għal €71 miljun. Fil-fatt, il-ħlas ta’ din il-ġimgħa jkorpi l-perjodi ta’ bejn Jannar u Marzu, u minn dawn it-€3.6 miljun, se jibbenefikaw aktar minn 23,000 familja. L-investiment totali fuq perjodu ta’ sena, jilħaq is-€16-il miljun.
Fil-fatt, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ikkonferma li l-investiment fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kważi rdoppjaw sal-aħħar tas-sena l-oħra, meta mqabbel mal-2012 – l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Bil-miżura tal-baġit għal din is-sena, il-Gvern qiegħed ukoll jinjora l-ħlas tat-taxxa minbarra l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – biex b’hekk, issa, id-dħul li qed jittieħed mill-impjieg huwa dak nett.
Dan il-benefiċċju, li jitħallas b’rati differenti, ġie introdott għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għal single parents li jaħdmu, u aktar tard ġie estiż ukoll għall-koppji fejn ġenitur wieħed biss ikun jaħdem.
Qed jitqassam ukoll il-benefiċċju tal-Carer’s Grant – benefiċċju ieħor li daħħal Gvern Laburista, lura fl-2021, u li minn Jannar żdied għal €5,190.00 fis-sena.
Bil-baġit għal din is-sena, dan il-grant se jiġi estiż wkoll għal ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena, li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabiltà severa.
Kif ġie mħabbar mill-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa, dawn il-ġenituri li jieħdu l-Carers Grant issa se jibdew jingħataw il-kontribuzzjonijiet akkreditati sabiex ikunu salvgwardjati d-drittijiet tagħhom għal pensjoni.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona.
“Dan l-investiment bis-saħħa tal-baġit 2025, qiegħed iżid l-ammonti ta’ benefiċċju wkoll li jirċievu n-nies. Tajjeb li ngħidu li l-in-work benefit, l-assessment tiegħu qed jinjora l-ħlas tat-taxxa, minbarra l-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali – jew allura l-ġenituri se jkunu qed ikollhom ħlasijiet aħjar mis-sena 2024.”
George Cremona, Direttur Ġenerali
Dan filwaqt li tlabna r-reazzjoni tal-Ministru għalll-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
“Suċċess li wkoll juri l-impenn ta’ dan il-Gvern fuq ix-xogħol, Partit tal-ħaddiema li l-eżistenza tiegħu hija li nimxu ‘l quddiem. Daħal għaxar snin ilu. Benefiċċju li llum qed nitkellmu fuq 24,000 familja, li wkoll din is-sena se ninvestu 16-il miljun fuq dawk il-persuni.”
Il-Ministru MIchael Falzon