Fl-aħħar jiem bdew jitqassmu mat-tliet mija u tletin elf voucher tal-mitt ewro tal-Gvern lil dawk li ma niżżluhomx online.
Sal-Erbgħa kienu diġà tqassmu tmenin elf voucher b’mod fiżiku, wara li ntemm il-perjodu li ppermetta biex il-vouchers jitniżżlu online. Total ta’ mija u tmintax-il elf persuna niżżlu l-vouchers tagħhom b’mod diġitali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, ta dettalji dwar it-tieni rawnd ta’ vouchers li qed jitqassmu lil kull min għandu aktar minn sittax-il sena.
L-uffiċjali tal-MaltaPost qed iqassmu l-vouchers fid-djar, fejn in-nies qed jintalbu jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom u jiffirmaw biex ikunu jistgħu jieħdu l-voucher.
F’każ li ma jkun hemm ħadd id-dar, il-MaltaPost qed tħalli nota biex il-persuni f’dik id-dar ikunu jistgħu jiġbru l-vouchers tagħhom mill-eqreb fergħa tal-MaltaPost.
B’kollox hemm mas-sitt elef u ħames mitt negozju li qed jaċċettaw il-vouchers, li jinkludu mat-tlett elef u tmien mitt ħanut tas-servizzi, ftit inqas minn elfejn u ħames mitt ristorant u post ta’ akkomodazzjoni u mija u tnejn u sebgħin negozju li jaċċettaw iż-żewġ tipi ta’ vouchers.
Il-Ministru spjega li bejn iż-żewġ rawnds ta’ vouchers, żdiedu sitt mija u disgħin negozju li bdew jaċċettaw il-vouchers din id-darba wkoll.
Hawnhekk żdiedu tliet mija u disgħin ħanut tas-servizzi, aktar minn mitejn u sittin ristorant jew post ta’ akkomodazzjoni u erbgħin negozju li jaċċettaw iż-żewġ tipi ta’ vouchers.
Fl-ewwel ġimgħa li bdew jintużaw, aktar minn seba’ mija u sittin elf ewro f’vouchers ħomor, u sitt mija u ħamsa u sittin elf ewro f’vouchers blu – total ta’ madwar miljun u nofs ewro – ġew injettati direttament fl-ekonomija Maltija.
Qal, “L-attività kienet mistennija ħafna, din hija miżura ħafna biex naraw li niġġeneraw l-attività ekonomika tal-pajjiż u kemm jista’ jkun inħarsu għal iktar attività f’dawn il-jiem marbuta mal-vouchers.”
Wieħed jista’ jsegwi l-proċess ta’ fejn wasal il-voucher tiegħu fuq is-sit elettroniku https://vouchersmimcol.com.
Dawn il-vouchers bdew jintużaw mis-sebgħa ta’ Ġunju u jibqgħu validi sal-ħmistax ta’ Settembru.