Il-ħaddiema tal-aġenzija Infrastruttura Malta poġġew l-ewwel travu tal-konkos minn sittax li se jkunu qed isaqqfu t-triq il-ġdida li se tgħaddi t-traffiku minn taħt it-triq arterjali tal-Imrieħel. Dawn it-travi jiżnu sitt tunnellati l-wieħed u, flimkien, se jiffurmaw is-saqaf tal-mina.
Il-proġett tat-triq minn taħt tnieda fi Frar u se jikkonsisti fil-bini ta’ mina ġdida twila sittin metru li tgħaqqad Triq l-Imdina mat-triq arterjali tal-Imrieħel.
Id-Direttur Eżekuttiv tat-Taqsima tal-Proġetti tal-Infrastruttura Malta, Raphael Abdilla, spjega x-xogħol li se jsir fil-jiem li ġejjin.
Qal, “Din il-fażi tinkorpora l-formazzjoni tas-saqaf. Bażikament, qiegħed kompost mit-travi ta’ sitt tunnellati ’l wieħed. Hemm sittax-il travu b’kollox u b’sistema li fuqu mbagħad jintrabat iktar ħadid u jingħata t-topping tal-konkos, li huwa kollu strutturali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Infrastruttura Malta, Trustin Farrugia Cann, spjega li meta l-mina tkun lesta, l-aġenzija se tkompli x-xogħlijiet fuq ir-roundabout il-ġdida ta’ fuqha flimkien ma’ karreġġjati ġodda u li jirrispettaw aktar lil min juża r-rota jew jimxi.
Qal, “Wara Settembru, imbagħad, se tibda tinbena r-roundabout biex iżżid il-konnettività biex dawk li se jmorru minn Ħal Balzan ikunu jistgħu jmorru Ħ’Attard u lejn Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll biex ittejjeb il-konnettività ta’ dawk li huma pedestrians kif ukoll ta’ dawk bir-rota.”
Minn din il-mina, it-traffiku lejn il-Lvant, minn Triq l-Imdina, Ħal Balzan, lejn it-triq arterjali tal-Imrieħel, se jiġi separat mit-traffiku l-ieħor li normalment jinġabar f’dan il-post.
Il-Ministru responsabbli mill-infrastruttura u t-trasport, Aaron Farrugia, qal li dan il-proġett jikkumplimenta s-Central Link u li wieħed irid iħares lejh b’mod ħolistiku ma’ proġetti oħra li qed isiru madwar il-pajjiż.
Qal, “Dawn huma proġetti li qed jindirizzaw l-isfidi li pajjiżna għandu u qed nindirizzawhom għax il-pajjiż qed ikompli jikber mill-aspett ekonomiku u wkoll mill-aspett ta’ popolazzjoni.”
Il-proġett tal-mina l-ġdida mistenni jkun infetaħ għat-traffiku sal-aħħar ta’ Settembru filwaqt li r-roundabout ta’ fuqu mistennija tkun lesta sal-aħħar tas-sena.