Beda l-proċess biex aktar minn ħamsa u għoxrin elf persuna meqjusa vulnerabbli f’pajjiżna, jitlaqqmu kontra l-Coronavirus.
Fost il-gruppi ta’ persuni meqjusa vulnerabbli hemm dawk bid-dijabete li huma dipendenti fuq l-insulina u persuni b’immunità baxxa.
- Persuni bid-dijabete dipendenti fuq l-insulina
- Persuni b’immunità baxxa
Hemm ukoll dawk li qed jieħdu trattamenti b’pinnoli u mediċini li jpoġġu lill-persuna f’riskju akbar.
- Persuni fuq ċertu pinnoli
Fost l-aktar vulnerabbli li fil-fatt diġà bdew jitlaqqmu hemm persuni morda bil-kanċer, u oħrajn li ħadu l-kimoterapija fl-aħħar sitt xhur.
- Persuni morda bil-kanċer
- Persuni li ħadu l-kimoterapija fl-aħħar sitt xhur
Persuni b’mard tal-kliewi li jagħmlu t-trattament tad-dialysis, ukoll huma meqjusa vulnerabbli.
- Pazjenti bid-dijalisi
F’dan il-grupp ta’ persuni hemm ukoll persuni b’mard respiratorju u persuni b’mard tal-qalb, inkluż dawk li se jagħmlu jew għamlu xi intervent kirurġiku fis-sitt xhur li għaddew jew fis-sitt xhur li ġejjin.
- Pazjenti bi problemi respiratorji
- Persuni b’mard tal-qalb
- Persuni li se jiġu operati fis-sitt xhur li ġejjin
- Persuni li ġew operati fl-aħħar sitt xhur
- Persuni li jbatu b’heart failure
Meqjusa vulnerabbli wkoll huma dawk il-persuni li jieħdu steroids b’mod regolari, bħal nies li jbatu bl-ażma.
- Persuni li jieħdu steroids b’mod regolari
Fil-ġimgħat li ġejjin se jirċievu stedina wkoll dawk kollha li għandhom xi kundizzjoni li ġiet iċċertifikata minn speċjalisti fl-isptar bħala waħda li tpoġġi lil dak li jkun fi stat vulnerabbli.
- Kundizzjonijiet oħra ċċertifikat minn speċjalisti
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon, spjegat li l-proċess ta’ tilqim lil persuni vulnerabbli, beda l-Ħamis filgħodu.
Dr Falzon qalet, “Il-proċess beda lbieraħ, beda ftit ġranet qabel meta aħna ħriġna l-inviti lill-ewwel sittin persuna li ġew imlaqqma hawnhekk ġo Mater Dei lbieraħ. Illum qed inlaqqmu sittin oħrajn, il-ġimgħa d-dieħla se nkomplu b’dan il-proċess, ovvjament dejjem inżidu n-numri. Kif aħna naraw li l-proċess ikun stabbli, dejjem inżidu n-numru ta’ persuni li nlaqqmu.”
Hekk kif fiċ-ċentri tas-saħħa u fil-bereġ qed jitlaqqmu dawk vulnerabbli skont l-età, fl-Isptar Mater Dei qed jitlaqqmu l-persuni vulnerabbli skont il-kundizzjoni tagħhom.
Falzon assigurat lill-eluf ta’ persuni vulnerabbli f’Malta u Għawdex li kulħadd se jirċievi l-istedina.
Hija saħqet: “Tridu tifhmu li n-numru huwa kbir, ħamsa u għoxrin elf li ħa jsiru kollha hawnhekk ġo Mater Dei. Ħa nżidu n-numri u l-inviti ħa joħorġu jiġifieri wieħed irid iserraħ moħħu li l-invit ħa jirċevih, mhux neċessarjament ħa joħorġu skont il-kundizzjoni. M’għandix għalfejn ngħid, isma’, il-ġara li għandha l-kundizzjoni bħal tiegħi rċevietha u jien għad le, u noqgħod ninkwieta. L-inviti ħa tirċevuhom. Il-lista qiegħda għandna, u bil-mod il-mod dawn l-inviti ħa joħorġu u tiġu hawnhekk titlaqqmu.”