Margaret Keenan, li se tagħlaq 91 sena l-ġimgħa d-dieħla hija l-ewwel persuna fid-dinja li tlaqqmet kontra l-COVID-19, hekk kif mil-lum bdew jitlaqqmu l-ewwel persuni fir-Renju Unit.
Hawn saret ordni ta’ tmien mitt elf doża tal-vaċċin, numru li mistenni jiżdied b’erba’ miljun doża oħra sal-aħħar ta’ Diċembru.
Mas-70 ċentru tas-saħħa fir-Renju Unit bdew bil-preparamenti tagħhom biex minn sbieħ it-Tlieta jlaqqmu lill-anzjani li għandhom aktar minn 80 sena, kif ukoll uħud mill-ħaddiema tas-saħħa. Ir-Renju Unit se jkun l-ewwel pajjiż li juża t-tilqima ta’ Pfizer wara li din ġiet approvata l-ġimgħa li għaddiet. Il-vaċċin wasal minn Brussell f’kontenituri li jżommu l-kesħa, hekk kif il-vaċċin għandu jibqa’ jinżamm kiesaħ. L-ewwel vaċċin beda jingħata fil-belt ta’ Coventry.