Bdew jitħawwlu mal-elf siġra u arbuxell fil-Park tal-Majjistral bħala parti minn ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, u l-Ministeru Tork għall-Agrikoltura u l-Afforestazzjoni. Dan qed jitmexxa wkoll minn Ambjent Malta f’tentattiv ieħor għal ambjent naturali aħjar.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li żied li bħala parti mill-proġett ġiet installata wkoll sistema ta’ irrigazzjoni biex dawn is-siġar jissaqqew skont kif meħtieġ.
L-għan ta’ din l-inizzjattiva hija li l-art li kienet qabel mitluqa terġa’ tiġi restawrata biex tikkumplimenta l-bqija tal-ambjent ekoloġiku tal-madwar.
Iċ-Ċhairman tal-Park tal-Majjistral Sammy Vella faħħar din l-inizjattiva u qal li hija pass fid-direzzjoni t-tajba, filwaqt li ċ-Charges D’Affaires ad interim għat-Turkija spjegat li dan kollu huwa parti Minn inizjattiva li qed issir fuq livell internazzjonli biex tinħoloq sinerġija ta’ afforestazzjoni.
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li inizjattivi bħal dawn huma eżempju ċar kif il-Gvern qed isaħħaħ l-impenn tiegħu favur l-ambjent.
Qal kif, “Fejn qed jitħawwlu elf siġra li huma kollha indiġeni. Fosthom insibu l-Ħarrub, iż-Żebbuġ, u s-siġra Nazzjonali Maltija, l-Għargħar. Se nkomplu naħdmu biex inkomplu nħaddru l-pajjiż u ż-żoni rurali anke permezz ta’ inizjattivi li ħabbarna fl-aħħar ġimgħat.”