• Iddiskutew id-distretti elettorali
• Se tibda kampanja li l-wiċċ tagħha hu Simon Busuttil
16.59: L-elezzjoni ġenerali ddominat ħafna mill-ħin fil-laqgħa tal-grupp parlamentari nazzjonalista tant li one.com.mt jista’ jiżvela kif fil-laqgħa ddiskutew fid-dettal il-bidla fid-distretti elettorali li jista’ jkun hemm.
Din id-diskussjoni niżlet għasel lil Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, li biex iżomm postu qiegħed iwebbel lil kulħadd li l-elezzjoni ġenerali ġejja dalwaqt.
Fil-fatt fil-laqgħa qal lill-grupp parlamentari li l-Partit Nazzjonalista se jibda kampanja minn Settembru, li l-wiċċ tagħha se jkun Simon Busuttil. Busuttil, li fil-lukanda l-Furjana, lbieraħ għadda ħinijiet twal jara l-filmati tal-President Amerikan Obama, qal li qed jistenna li jkun hemm kulħadd warajh f’din il-kampanja.
Botta ċara għall-battuti u nkwiet intern li kien hemm dan l-aħħar. Il-messaġġ kien ċar. L-elezzjoni li jmiss hija ta’ Simon Busuttil u r-responsabbiltà iġorrha hu, iżda tal-inqas irid jasal sa hemm mingħajr l-intoppi li sab dan l-aħħar.
Il-kwistjoni tal-visas mediċi kienet parti mid-diskussjoni u nqalgħet l-iktar għaliex din hija ħolqa minn katina ta’ stejjer negattivi li jrid jimmonta il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt intqal li l-attakk fuq Neville Gafa u l-isforzi biex jorbtu dak allegat ma’ Kastilja se jissokta fil-jiem li ġejjin. Saħansitra minn tmiem il-ġimgħa li ġejja.
15.45: Tinsab għaddeja l-laqgħa tal-grupp parlamentari. Interessanti li fil-filmati li qed inxandru jidher ir-reporter tan-NET jistaqsi dwar il-Visas iżda l-maġġoranza tad-deputati nazzjonalisti kienu interessati jitkellmu dwar il-fiduċja f’Simon Busuttil. Jidher ukoll jieħu direzzjonijiet mingħand ħu Beppe Fenech Adami, Michael Fenech Adami.
15.20: Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco, qal li kemm hu kif ukoll il-grupp parlamentari għandhom fiduċja fil-Kap. Filwaqt li d-deputat u President tal-Kunsill Ġenerali, Paula Mifsud Bonnici, qalet li hi titkellem għaliha u ddikjarat li anke hi għandha fiduċja fil-Kap. Għalkemm fuq sħabha ma’ qalet xejn.
https://youtube.com/watch?v=r4d2-XvswDU
IKTAR QABEL: Bdew jaslu d-Dar Ċentrali d-deputati biex jattendu għal l-grupp parlamentari nazzjonalista Fost dawk li waslu kien hemm Jason Azzopardi li qalilna li m’għandniex x’nagħmlu u għall-mistoqsija ta’ ONE NEWS jekk Simon Busuttil għandux fiduċja tal-grupp parlamentari iddikjara li l-Kap għandu l-appoġġ tal-grupp parlamentari kollu.
Dikjarazzjoni li kif irrapporta ONE NEWS fl-aħħar sigħat kienet waħda mistennija, peressl li kien fost dawk li dabbar ċamata minħabba l-messaġġ li xerred fuq facebook u li kien interpretat bħala botta għall-kap.
Deputati oħra li waslu huma Robert Cutajar u Chris Said li daħlu minn bieb ieħor biex jevitaw il-media, filwaqt li d-deputat Ċensu Galea qalilna No Comment.
https://www.youtube.com/watch?v=tRFM72SXrF0