B’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, miexi ġmielu x-xogħol infrastrutturali fil-bajja pittoreska tax-Xwejni f’Għawdex.
Ix-xogħol jinvolvi żewġ proġetti li jikkumplimentaw lil xulxin, hekk kif qed jinbena mill-ġdid il-ħajt li jdawwar il-bajja u jsiru xogħlijiet fit-triq, kif ukoll inbniet mill-ġdid Triq Għajn Mhelel – triq ewlenija li mir-raħal taż-Żebbuġ twasslet sal-bajjiet tax-Xwejni u l-Qbajjar f’Marsalforn.
Is-Sindku taż-Żebbuġ irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li sema’ l-karba tar-residenti u filfatt jinsab lest ix-xogħol t’asfalt u bdil ta’ servizzi f’din it-triq.
“Ir-residenti tagħna kienu qegħdin ibatu ħafna minn din it-triq, speċjalment biex jitilgħu, u kienet fi stat perikoluż imma fl-aħħar waslet din it-triq biex dak li issa qegħdin naraw b’għajnejna u mmissuh b’idejna, qegħdin ingawdu l-lokalità tagħna.”
Triq Għajn Mhelhel tgħaqqad il-lokalità taż-Żebbuġ ma’ Marsalforn, u x-xogħol fuqha sar bħala parti minn proġett usa li qed jibdel wiċċ it-toroq f’Għawdex.
“Il-proġett t’Għawdex “Toroq fil-Lokalità Tiegħek” jikkomprendi madwar tmenin triq madwar Għawdex kollu fejn uħud minnhom huma lesti, oħrajn qed isiru f’dawn il-ġranet u hemm oħrajn li għaddej il-proċess tat-tendering u x-xogħlijiet se jibdew minn hawn u ftit ġimgħat oħra.”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana innotat li lil’hinn minn dan ix-xogħol, qed issir ukoll ħidma fil-promenade ta’ Marsalforn li se jiswa’ madwar tliet miljun ewro.
Barra minhekk se jsir xogħol fuq il-breakwater u l-parkeġġ, fejn diġà ġiet sottomessa l-applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar.
Temmet tfakkar li fl-aħħar baġit, il-Ministeru għal Għawdex ingħata allokazzjoni rekord għall-bini mill-ġdid jew riġenerazzjoni ta’ toroq f’Għawdex li jammonta għal għaxar miljun ewro.