Fil-ġimgħat li għaddew, bdew ix-xogħlijiet fuq il-kampus il-ġdid fi SmartCity fil-Kalkara.
Dan il-kampus se jkun jista’ jilqa’ fih sa 2,500 student u se jkollu spazju biex joffri aktar korsijiet speċjalizzati li huma meħtieġa fl-industrija tal-lum, iżda li sfortunatament minħabba r-restrizzjonijiet ta’ spazju, ma setgħux jiġu offruti qabel.
Dan il-kampus “state of the art” se jkun maqsum f’diversi partijiet, u se jinkludi fost l-oħrajn, numru ta’ ristoranti u kafetteriji għat-taħriġ, disa’ laboratorji speċjalizzati tal-kċina, librerija, dormitorju li jilqa’ aktar minn ħames mitt student, u erba’ mitt spazju ta’ parkeġġ.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fi SmartCity, indirizzata mill-Prim Ministru, Robert Abela.
Dr Abela qal li huwa biss jekk ninvestu fil-kwalità, li nkunu nistgħu nilħqu livelli ġoddi, fi sfond ta’ livelli ekonomiċi li dejjem qed jikbru.
Qal li b’dan il-kampus il-ġdid tal-ITS, qed jintbagħat messaġġ ċar li t-turiżmu f’Malta huwa b’saħħtu u rridu ninvestu fil-karrieri tat-tfal Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru semma ċ-ċifri b’saħħithom fis-settur turistiku ta’ pajjiżna matul l-aħħar xhur, li jixhdu l-irkupru b’saħħtu wara l-pandemija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech tkellem dwar is-sodisfazzjon li jġib miegħu l-bidu tax-xogħol fuq dan il-proġett, li se jiżviluppa f’ċentru ta’ taħriġ naturali għal ħaddiema prospettivi fl-industrija tal-ospitalità u dawk li diġà jaħdmu fiha.
Qal li l-għan aħħari huwa li mhux biss inkomplu ninvestu fin-nies iżda nattiraw ukoll numru akbar ta’ studenti internazzjonali li jiġu jistudjaw f’pajjiżna.
Saħaq ukoll fuq l-importanza li jkomplu jiġu indirizzati l-isfidi ta’ wara l-pandemija, prinċiparjament it-taħriġ ta’ eluf ta’ nies li jaħdmu fl-industrija.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo tkellem dwar it-tema użata għal din il-konferenza, “Ninvestu fil-Kwalità”, u qal li dan huwa proprju l-ħsieb tal-Gvern għat-turiżmu f’Malta, biex mhux biss jibqa’ kompetittiv imma jagħmel il-qabża li jmiss fil-kwalità.
Spjega li apparti dan il-kampus, se jitnieda ċentru ta’ taħriġ biex il-ħaddiema kollha jkollhom il-ħiliet meħtieġa li bihom ikunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda eżistenti, biex Malta tkun tista’ toffri l-aqwa prodott possibbli.