Bdew ix-xogħlijiet fil-Park & Ride Ta’ Xħajma, limiti tax-Xewkija. F’dan l l-ispazju ta’ erbgħa u għoxrin elf metru kwadru se jkun maqsum fi tnejn; tliet mitt spazju għall-parkeġġ u żona rikreattiva.
Permezz ta’ dan il-proġett se titranġa triq eżistenti u tingħata t-tarmak, se jkun hemm aċċess pedonali u se jkun hemm ilqugħ għall-ilma tax-xita li se jinġabar f’ġibjun
F’dan il-proġett se jkun qed jinbena sular wieħed u se jiġi introdott green roof fuq iż-żona tal-parkeġġ li jipprovdi faċilità ta’ rikreazzjoni fil-beraħ.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Clint Camilleri qal li il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jnaqqas it-traffiku fil-limiti tal-Imġarr.
Qal, “Faċilità li propju se tkun qiegħda tilqa’ u toffri s-servizz tal-Park and Ride, permezz tal-buses elettriċi mill-Imġarr għal hawnhekk u viċi-versa, servizz li se jkun kompletament b’xejn, aktar minn hekk ukoll, dan l-istess proġett, ħa jkun qed jinkopora fih, ħażna kbira tal-ilma, li qed nikkalkulaw madwar 1,300 metru kubu, ta’ volum ta’ ilma li se jkun qed jinġabar hawnhekk, u aktar minn hekk ukoll, fuq il-parti fejn se jkun il-parking lot, parti minnha se tkun imsaqqfa u se tkun green open space ukoll, biex hekk ukoll ikun jista’ jintuża bħala post ta’ rikreazzjoni.”
Huwa spjega li l-għan aħħari tal-proġett huwa r-riġenerazzjoni taż-żona bi spazju għall-parkeġġ u spazji dedikati għal charging ta’ vetturi elettriċi.
Dan iċ-ċentru se jinkludi wkoll terminal għall-karozzi tal-linja li joperaw bl-elettriku.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li proġett bħal dan imur id f’id mal-miri tal-Gvern, jiġifieri l-investiment fi proġetti carbon neutral u ħodor.
Qal, “Nhar it-Tnejn ħabbarna l-programmi operattivi l-ġodda, però x-xogħol fuq il-programm l-antik, għadu għaddej u din is-sena jrid jagħlaq, u hawnhekk dan huwa propju proġett, illi naħseb jiġbor f’sintezi sħiħa, kif għandhom ikunu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, għalxiex, għandek Park & Ride illi se joħloq, numri ta’ parkeġġi ġodda. Barra minn hekk se jkollok il-kreazzjoni ta’ spazju pubbliku ġdid minn area li hija mitluqa, u fuq kollox il-ġibjun li se jsir taħt, li se jkollna ħażna tajba tal-ilma.”
Dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew din is-sena.