L-Enemalta bdiet proġett infrastrutturali biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar.
Dan qed isir wara diskussjonijiet li saru bejn il-Ministeru għall-Enerġija, l-Enemalta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija spjega kif permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, ir-residenti se jkunu jistgħu jgawdu minn sistema ġdida ta’ provvista tal-elettriku li qed tindirizza inkonvenjent li ffaċċjaw ir-residenti għal snin twal.
Dan hekk kif bl-infrastruttura tal-enerġija li hemm bħalissa, ir-residenti jaffaċċjaw problemi ta’ qtugħ ta’ dawl u vultaġġ baxx.
Ix-xogħlijiet li qed isiru jinkludi tqegħid ta’ cables u modernizzar ta’ substations.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet kif l-Enemalta hija impjenjata li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni f’pajjiżna.
Qalet kif dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Enemalta qed taħdem fuqhom bħalissa bħala parti minn pjan ta’ ħames snin.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus irringrizzja lill-Gvern, li se jwettaq dan l-investiment favur ir-residenti.