Kien irrapportat li bdew il-proċeduri biex ikun estradit lejn Malta Adrian Hillman, l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers u l-bestman tat-tieġ ta’ Mario De Marco.
Hillman irid jiffaċċja l-ġustizzja b’rabta mal-allegat każ ta’ frodi u korruzzjoni fix-xiri ta’ makkinarju għall-Allied, li bih hemm mixlija wkoll persuni oħra fosthom Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali tal-Allied, reponsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times.
Fil-każ hemm ukoll mixli Keith Schembri, li permezz ta’ Kasco Group kien biegħ il-materjal lill-Allied.
It-Times of Malta rrapportat li dan il-proċess għall-estradizzjoni jista’ jieħu għadd ta’ ġimgħat u ntqal li l-awtoritajiet Maltin bagħtu talba dettaljata ħafna lill-awtoritajiet Ingliżi.
Għal snin twal Hillman kellu l-iktar rwol ewlieni fl-Allied Newspapers, il-kumpanija li tippubblika t-Times of Malta, u l-kumpaniji li jmexxuha.
Dan wara li kif saħansitra kitbet Daphne Caruana Galizia nnifisha, il-familja ta’ Mario De Marco għażlet lilu biex imexxi fil-kumpanija li hi għandha influwenza enormi fiha permezz tal-kontroll li għandha fil-Fondazzjoni Strickland.
Dan il-każ hu riżultat ta’ inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli u li skont dak irrapportat irriżulta li fiha ntalbet investigazzjoni dwar kif allegatament l-istess kumpanija frodat lill-entità statali tal-Malta Enterprise.