Fil-Birgu din is-sena, l-akbar festa tal-Knisja Kattolika se tiġi ċċelebrata b’numru t’attivitajiet fosthom parata u purċissjoni għall-Ġimgħa l-Kbira.
Dan l-istazzjon żar it-tħejjijiet għall-parata li se ttella’ l-għaqda Pasiune Hristor u ltqajna mal-fundatur Charles Attard li kien qed jidderieġi lill-voluntiera fuq is-swar u x-xatt tal-Birgu.
Il-parata ilha tiġi mtella’ għal dawn l-aħħar sitt snin iżda din is-sena ġie ntrodott numru akbar ta’ suldati Rumani u se jintuża wkoll karru mmexxi miż-żwiemel biex b’hekk se tittella’ l-akbar parata s’issa.
“Il-parata qisha ħolma li dejjem xtaqt. Hija bidu tal-purċissjoni allura iktar qisek ħa tistartja u iktar dak li jkun ħa jiġi jara, se jara żewġ avvenimenti, għandek il-parata u għandek il-purċissjoni u wkoll ħsibna għal din is-sena nagħmlu chariot, iċ-chariot ħolma wkoll.”
Huwa spjegalna kif se tiżvolġi din il-parata.
“Bħalma qegħdin taraw illum kienet il-prova, nagħmluh bħala tip ta’ reċta, display, immorru fejn il-knisja meta hemmhekk iċ-Ċenturjun jgħaddi biż-żwiemel jinżel u jħabbat il-bieb tal-knisja u tkun xi ħaġa sabiħa.”
Charles għandu għal qalbu ħafna dan il-perjodu fil-kalendarju Kattoliku.
Fil-fatt itella’ wkoll wirja b’numru ta’ statwi u kostumi, u d-donazzjonijiet kollha li jinġabru jmorru b’risq il-Knisja tal-Birgu.
“Il-Wirja ilha kważi madwar ħmistax-il sena nippjanaw u dejjem naħdem fiha. Bażikament ntellagħha jien, dik hija xi ħaġa privata tiegħi però dejjem l-għan tagħha huwa li niġbru, ikun hemm il-fondi u nagħmel il-vestwarju tal-purċissjoni.”
Il-purċissjoni se tittella’ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija minflok fil-ħin tradizzjonali tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar.
B’hekk dawk devoti tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu jistgħu jżuru bliet fil-viċin u fl-istess waqt jilħqu l-purċissjoni tal-Ġirbin.