Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, kien ċar ħafna meta ltaqa’ mal-membri tal-media u imsieħba soċjali ewlenin f’pajjiżna. Qalilhom li s-sena li bdejna ftit tal-jiem ilu hija sena ta’ bidliet u l-gvern se jkun impenjat li jwettaq kemm jista’ biex pajjiżna jaġġorna l-infrastruttura virtwali, soċjali u fiżika tiegħu.
Semma l-Blockchain u qal li l-pajjiż irid ikun fost tal-ewwel li jħejji għal din il-bidla virtwali fejn żvela kif laqgħat ma’ investituri qed juru li hawn interess enormi. Fisser kif għaddejin it-tħejjijiet meħtieġa biex pajjiżna jkun fost tal-ewwel li jirregola dan is-settur u tkellem ukoll dwar iktar laqgħat li kellu.
Meta tkellem dwar il-bidliet soċjali semma l-vot ta’ 16 –il sena fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew. Fakkar kif din hi bidla li hemm mandat elettorali għaliha għax il-Partit Laburista kien kuraġġuż u nkludiha fil-manifest elettorali tiegħu. Tenna li din hi bidla li trid tkun l-ewwel waħda fost għadd ta’ bidliet li għad iridu jsiru, wħud kontroversjali. Emfasizza l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-konsultazzjoni u tteħid tad-deċiżjoni fejn filwaqt li l-gvern irid jikkonsulta hemm deċiżjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar iridu jittieħdu.
Meta tkellem dwar il-bidla fl-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, il-Prim Ministru fisser kif għandu jkun hemm bdila permezz tal-istruttura ġdida li tamministra x-xogħol infrastrutturali fit-toroq Maltin. Tenna li sar ħafna, iżda issa se jkun hemm bidliet u mod ġdid ta’ kif isir dan ix-xogħol.
“Dawn huma tlieta mill-ħafna bidliet li jridu jsiru,” qal il-Prim Ministru li fisser kif hemm bidliet li se jaraw ukoll kontroversja fejn fost oħrajn semma l-marijuna għal skop mediċinali u l-produzzjoni tagħha f’pajjiżna filwaqt li tkellem ukoll dwar l-ugwaljanza.
Fost oħrajn għamel referenza lejn id-differenza fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel u l-fatt li l-Iżlanda kien l-ewwel pajjiż li għamel saħansitra liġi li jagħmel illegali ħlas differenti. Tenna li hu u l-gvern qed iħarsu b’interess lejn din il-liġi u se ssir konsultazzjoni wkoll dwar dan is-suġġet.