Konna għaqlin u bdejna niġru minn qabel ma’ bdiet it-tellieqa kontra l-pandemija tal-Coronavirus f’pajjiżna. Hekk sostna it-Tabib tal-Emerġenza Michael Spiteri ma’ ONE News, li qal ukoll li l-kooperazzjoni tal-poplu hija importanti biex Malta toħroġ rebbieħa mill-pandemija.
“Definittivament jekk il-poplu li sa issa, ta’ min jgħid li kollabora ħafna magħna, imma jibda jaqta’ qalbu jitlef il-kollaborazzjoni speċjalment jekk ikompli jiltaqa’ jew jerġa’ jibda jiltaqa’ fi gruppi kbar dik tkun ta’ xkiel kbir għall-sisforzi tagħna u jkun hemm ċans li jekk jiġri hemm il-virus ileħħaq magħna u anke jgħaddina”
Spjegalna kif il-ħaddiema tas-saħħa ilhom minn Jannar għaddejjin b’taħriġ speċjalizzat b’rabta mal-pandemija.
“Barra minn hekk ukoll jibda jsir training ieħor u għaddej training ieħor kif pereżempju nkunu nistgħu nassistu u ngħinu lill-kollegi tagħna fit-taqsimiet tal-kura intensiva u bosta training ieħor kif ngħarfu s-sintomi tal-marda u kif nagħmlu ċertu tests bħal swabbing”
Id-Dipartiment tas-Saħħa qed isegwi s-sitwazzjoni internazzjonali b’rabta mal-coronavirus biex ikunu evitati sitwazzjonijiet mhux mixtieqa f’pajjiżna.
“Imma minn naħa l-oħra aħna m’aħniex differenti minn ħaddieħor u jekk mhux se jkollna l-poplu li definittivament għandu rwol mhux biss importanti imma vitali f’dan kollu, jekk il-poplu mhux se jgħina u jimxi eżatt ma dak li nkunu qed nissuġerulu , ikun hemm il-biża’ illi bħalma ġralhom pajjiżi oħra jista’ eżattament jiġri lilna u ovvjament l-outcome ma jkunx dak li wieħed huwa mixtieq.”